Fl-intervista waqt il-ġbir tal-fondi għall-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna li bid-deċiżjonijiet għaqlin u kuraġġjużi tal-Gvern, illum il-poplu qed igawdi minn ċertezza, stabbilta u serħan tal-moħħ.
Dr Abela qal dan waqt intervista fil-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista meta ġie mistoqsi dwar in-normalità li qed igawdu minnha l-Maltin u l-Għawdxin f’dawn iż-żmien ta’ festi; festi li pajjiżna, bħal bqija tad-dinja, ilu ma jara bħalhom għall-aħħar sentejn minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija.
Kien hawn li l-Prim Ministru sostna li din in-normalità għall-Maltin ma hijiex l-istess bħal dik ta’ ċittadini Ewropej f’numru ta’ pajjiż differenti minħabba li ħafna pajjiżi, filwaqt li ma rkuprawx bl-istess ritmu ta’ pajjiżna mill-effetti tal-pandemija, issa qed ibatu wkoll mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.
“Tara dan l-element ta’ ċertezza, stabbiltà, u serħan tal-moħħ fejn il-poplu tagħna qiegħed ġustament issa jgawdi l-festi tal-Milied b’mod daqstant mistħoqq wara sentejn u nofs li ma kienu faċli xejn, għaliex jekk inħarsu lejn l-istorja riċenti tad-dinja ftit kellek perjodi li ġabu pressjonijiet bħalma ġabu s-sentejn u nofs li kellna ta’ pandemija. Imma issa nistgħu ngħidu li dak il-perjodu li ħallejna warajna.”
Il-Prim Ministru semma d-deċiżjonijiet b’saħħithom tal-Gvern immexxi minnu kemm waqt il-pandemija u anke wara, speċjalment b’reazzjoni għall-gwerra fl-Ukrajna.
Hawn Dr Abela sostna li d-deċiżjoni ewlenija li l-Gvern jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija kienet kruċjali biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ tirpilja b’saħħa.
Irrimarka kif dan jixhduh numru ta’ rapporti minn aġenziji indipendenti differenti tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u anke l-Kummissjoni Ewropea.
Huma deċiżjonijiet li, meta tara l-entitajiet internazzjonali x’qed jikkummentaw fuq pajjiżna, kellna l-IMF li kkummenta, kellna l-Kummissjoni Ewropea, il-ġimgħa kellna d-DBRS, kellna qabel lil Moody’s, kellna qabel lil Fitch Ratings ukoll, li kollha qed jagħtu dan it-tbassir ta’ fiduċja li l-ekonomija ta’ pajjiżna hija waħda li se tibqa’ tikber.
Madankollu, il-Prim Ministru ma waqafx hawn. Huwa aċċenna wkoll għall-ħidma riċenti ta’ dan il-Gvern fosthom fil-Budget għas-sena d-dieħla, fejn il-bieżel baqa’ jiġi ppremjat filwaqt li l-qasam soċjali baqa’ jingħata importanza kbira, b’numru ta’ miżuri u żidiet qawwija fis-settur.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll dwar it-tattika tat-tbeżżigħ tal-Oppożizzjoni fil-kampanja elettorali, meta qalet li wara l-elezzjoni l-Gvern mhux se jibqa’ jipprovdi għajnuna.
Morna lejn Budget fejn dak kollu li tkellimna dwaru fil-kampanja elettorali, li se nibqgħu nagħtu s-sostenn lin-nies, wettaqnih. U nfakkar ukoll – għax bilfors ikolli nfakkar – fid-diskors li kellna waqt il-kampanja elettorali ta’ dawk il-forzi li, għax m’għandhom xejn x’joffru bħala kontribut għat-tmexxija tal-pajjiż, dejjem imorru lejn l-istess tattika: it-tattika tat-tnissil tal-biża’. U kemm qalulna li tgħaddi l-elezzjoni u l-ewwel ħaġa li nagħmlu naqtgħu l-għajnuna li qed nagħtu. Mhux talli m’għamilniex hekk, talli immedjatament wara l-elezzjoni irrikonfermajna dak li għidna fil-kampanja elettorali li se nżommu ħajjin l-għajnuniet kollha li konna qed nagħtu imma tajna garanzija tas-sostenibbiltà ta’ dawk il-miżuri.