“Cyrus ġej u sejjer Għawdex, jiġifieri jaf lil Għawdex u jaf il-bżonnijiet tal-Għawdxin. Jiena nemmen li bl-attribwiti u l-esperjenza li għandu Cyrus, se jkollna alleat importanti fejn jidħlu l-fondi Ewropej għal Għawdex.” Saħqet dan il-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana meta kienet qed tindirizza attivita’ taħt it-tinda tal-Kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer, fil-Pjazza tax-Xagħra f’Għawdex.
Fl-intervent tagħha l-Ministru semmiet kif Cyrus Energer laqqa’ lill-Ministri ma’ diversi nies importanti fi Brussell waqt il-preparamenti għall-Presidenza tal-Kunsill tal-UE. Żiedet tgħid li r-reputazzjoni li rnexxielu jibni Cyrus fl-Istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari fil-Parlament Ewropew ma kienitx xi ħaġa faċli imma akkwistaha b’ħafna xogħol.
Meta rreferiet għall-fatt li Cyrus Engerer fetaħ uffiċċju fix-Xagħra Għawdex biex ikun qrib l-Għawdxin, il-Ministru qalet, “meta smajt li ftaħt uffiċċju f’Għawdex fakkartni f’Joseph Muscat għaliex Joseph Muscat ukoll kien fetaħ uffiċċju f’Għawdex u meta jkollok lil xi ħadd li qiegħed magħna, jismana u jifhimna, ikun jista’ jirrappreżentana aħjar.”
Intervjena wkoll is-Segretarju Parlamentari Clint Camillerili saħaq fuq il-ħtieġa li fi Brussell ikollna nies li jifhmu l-istrutturi Ewropej u li jafu xi jridu jagħmlu. “Nafu kemm ħadem Cyrus u nafu x’riżultati ġibna għal Malta anke bis-saħħa ta’ Cyrus,” saħaq Clint Camilleri. Huwa ddeskriva lil Cyrus bħala kandidat fair ħafna li qatt ma jipprova jagħmel ħsara lil sħabu, anzi l-mira tiegħu dejjem tkun li l-Partit Laburista jġib l-aħjar riżultat.
Qal li l-mument l-aktar li ddefinixxa l-persuna ta’ Cyrus kien meta minħabba kampanja ta’ ħmieġ tal-Partit Nazzjonalista rtira l-kandidatura u ġab il-Partit qabel kollox. “Nemmen li llum il-ġurnata l-poplu Malti u Għawdxi u l-Laburisti għandhom jirrikonoxxu dan il-fatt.”
Min-naħa tiegħu s-Sindku tax-Xagħra Joe Cordina qal li x-xogħol li kellu Cyrus bħala r-Rappreżentant tal-Prim Ministru fi Brussell ma kienx faċli għaliex min hu involut biss jista’ jirrealizza l-ħsara li qed jagħmlu l-MEPs Nazzjonalisti. “Cyrus għamel ħafna xogħol biex jiltaqa’ ma’ Membri Parlamentari Ewropej u jlaqqa’ lill-Ministri sabiex jikkumbattu għal din il-ħsara li saret. Nassigurakom li bl-esperjenza li għandu Cyrus illum u bil-ħidma li għamel, jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja se jkompli jagħmel ħafna aktar ġid lil pajjiżna.”
Il-Membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista Ġuża Cassar qalet li b’Cyrus fl-Unjoni Ewropea ħa jkollna vuċi soda, ħidma kontinwa favur pajjiżna u favur il-Partit Laburista. “Jiena ċerta li bih se jkollna akkwist.” Ġuża Cassar fakkret fil-kampanja ta’ attakki li għadda minnha Cyrus u l-familja tiegħu u qalet li dan juri li huwa bniedem ta’ kuraġġ.
Tkellem ukoll in-Nutar Christian Zammit li saħaq li lil Cyrus fl-aħħar snin mhux biss rajnieh bħala tarka ta’ eluf ta’ nies li resqu lejn il-Partit Laburista imma anke tarka ta’ nies li ma kellhomx l-ugwaljanza, dritt li tahulhom dan il-Gvern għaliex Cyrus Engerer kien wieħed mill-katalisti ta’ dan il-Moviment. Zammit qal li minn Brussell, Cyrus baqa’ dejjem jistaqsi u jinteressa ruħu dwar x’kien qed jiġri f’Għawdex. “Aħna l-Għawdxin inbatu meta jiġu l-Maltin qabel l-elezzjoni, jagħmlulna priedka u ma narawhomx iktar. Cyrus ilni narah f’Għawdex snin twal u meta kien Brussell dejjem kien jinżel f’Għawdex biex jara x’inhu jiġri u konvint li Cyrus kif kellu l-interess fil-passat dwar Għawdex, se jkompli jżid aktar l-interess jekk il-poplu jeleġġih fil-Parlament Ewropew.”
Matul l-attivita’ Cyrus Engerer ħabbar li jekk ikun elett fil-Parlament Ewropew se jara li jkun l-ewwel MEP Malti li jidħol fil-Kumitat dwar l-Iżvilupp tar-Reġġjuni biex b’hekk jaħdem għal aktar fondi għal Malta, iżda b’mod partikolari ukoll għal Għawdex.
Engerer qal illi ħass il-ħtieġa li jiftaħ uffiċċju fix-Xagħra Għawdex sabiex ta’ kull ġimgħa jiltaqa’ mal-Għawdxin u jisma’ l-aspirazzjonijiet tagħhom għal Malta u Għawdex fl-Unjoni Ewropea.
Engerer għalaq billi ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin biex jivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista sabiex nagħtu lil Joseph Muscat l-ikbar rebħa elettorali fl-istorja politika ta’ Malta u b’hekk Malta jkollha maġġoranza ta’ MEPs li jħobbu lil Malta u li jaħdmu għal Malta Qabel Kollox.