Nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru 2024, BCRS Malta qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku biex tiċċelebra sentejn ta’ tħaddim b’suċċess tal-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenitur tax-Xorb (DRS) f’Malta.
Din l-Open Day se toffri lill-viżitaturi ħarsa esklussiva minn wara l-kwinti dwar kif jaħdem il-proċess tar-riċiklaġġ, bl-attività se ssir fil-Faċilità tar-Riċiklaġġ tal-BCRS Malta f’Ħal Far. Din hi opportunità għall-pubbliku biex jara b’għajnejh kif il-kontenituri tax-xorb jinġabru, jintgħażlu u jiġu ppreparati għall-esportazzjoni.
Il-ġurnata se tkun esperjenza divertenti u edukattiva għall-familja kollha, u se tgħaqqad attivitajiet interattivi fejn se tiffoka fuq is-sostenibbiltà. Viżitaturi ta’ kull età se jkollhom iċ-ċans li jesploraw il-faċilità permezz ta’ żjarat iggwidati, fejn ikunu jistgħu jsegwu l-vjaġġ ta’ kontenitur tax-xorb mill-mument li jiġi depożitat sa meta jkun imballat u lest għall-esportazzjoni. Tul it-triq, se jitgħallmu kif is-sistema tad-DRS qed tgħin lil Malta tnaqqas l-iskart u tippromwovi ekonomija ċirkolari.
Barra minn hekk, it-tfal jistgħu jieħdu sehem f’workshops dwar prattiki ta’ riċiklaġġ kreattiv, fejn jitgħallmu kif oġġetti ta’ kuljum jistgħu jerġgħu jintużaw f’xi ħaġa ġdida, u jipparteċipaw f’logħob li jinkoraġġixxi drawwiet tajbin ta’ riċiklaġġ. Se jkun hemm ukoll wirjiet li juru kif it-tipi differenti ta’ materjali, bħall-plastik, aluminju, u ħġieġ, jiġu pproċessati.
Biex tinħoloq atmosfera vibranti, l-avveniment se jkun fih varjetà ta’ divertiment għall-etajiet kollha, fosthom b’dehra speċjali mill-maskot ta’ BCRS, wirjiet ta’ maġija u bżieżaq għat-tfal, u park ta’ divertiment. Il-familji jistgħu wkoll igawdu żjarat minn mascots ta’ karattri popolari tat-tfal u opportunitajiet għar-ritratti mat-trakkijiet tal-ġbir.
Biex jattendi, wieħed m’hemmx għalfejn jirreġistra u d-dħul huwa b’xejn, fejn wieħed jista’ jattendi nhar is-Sibt, 16 ta’ Novembru 2024, mill-10:00 am sal-5:00 pm fil-BCRS Malta Clearing Centre f’Ħal Far.
Aktar dettalji jistgħu jinstabu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ BCRS Malta.