L-aħbar li l-eks Segretarju Ġenerali tat-tmeninijiet Louis Galea u l-eks Prim Ministru u l-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi qed jgħinu fil-kampanja ta’ Bernard Grech urtat lil bosta fil-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu magħna fil-Partit Nazzjonalista qalulna li qed iħossu li l-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jinħataf mill-establishment jekk Bernard Grech jiġi elett Kap.
L-istess sorsi qalulna li teżisti rabja kbira għal mod kif Lawrence Gonzi reġa’ daħal fix-xena politika u qed jgħin lil Bernard Grech, wara li fl-elfejn u tlettax wassal lill-Partit Nazzjonalista għal telfa elettorali kbira.
Is-sorsi qalulna ukoll li huma rrabjati għal Kap Nazzjonalista Adrian Delia wkoll, li sena ilu waqa’ għan-nasba tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u ħatar lil Louis Galea sabiex jagħmel riforma fil-Partit Nazzjonlista.
L-istess sorsi ma eskludewx li Louis Galea kien mill-bidu nett parteċepi mal-fazzjoni Busuttil fi pjan u kumplott biex tinqata’ ras Adrian Delia.
It-Tnejn għadda ONE News żvela li Lawrence Gonzi u Louis Galea, qegħdin wara l-kampanja ta’ Bernard Grech, sabiex iż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil jegħleb lil Delia.
L-għada, it-Times irrappurtat ukoll li Gonzi, Louis Galea u esponenti oħra fil-Partit Nazzjonalista qed jipparteċipaw f’laqgħat fit-tul fejn ġiet diskussa l-kampanja elettorali ta’ Bernard Grech.
It-Times irrapportat ukoll li dawk wara Grech kellhom anki laqgħa online, nhar it-Tnejn li għadda fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.
Intqal li Adrian Delia huwa konxju ta’ dan u se jagħmel kampanja kontra l-establishment, b’Delia qed jargumenta li jekk in-Nazzjonalisti jridu jżommu l-partit għandhom, iridu jivvutaw lilu.