Bayern Munich rebħu l-UEFA Champions League għas-sitt darba fl-istorja tagħhom. Dan wara li l-Ħadd filgħaxija fil-kapitali Portuġiża, Lisbona għelbu lit-tim Franċiż ta’ Paris Saint-Germain bl-iskor ta’ 1-0.
L-uniku gowl f’din il-finali, li ta min jgħid kienet waħda differenti hekk kif kienet mingħajr il-preżenza tal-partitarji, wasal ftit qabel is-siegħa logħob, meta Bayern Munich marru fil-vantaġġ permezz ta’ Kingsley Coman, wara cross minn barra l-kaxxa minn Joshua Kimmich.
Waqt din il-partita, il-gowler u l-captain ta’ Bayern Munich Manuel Neuer kien strumentali sabiex it-tim Ġermaniż ġab din ir-rebħa.
Fi tmiem il-partita, il-kowċ ta’ Bayern Hans-Dieter Flick, li ngħaqad mat-tim li kien jilgħab miegħu fit-tmeninijiet lura f’Novembru li għadda, flimkien mal-plejers tat-tim Ġermaniż ħarġu jiċċelebraw, sabiex jgħollu t-trofew ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuza.
Dan is-suċċess tal-Ħadd jingħaqad mar-rebħ tal-Bundesliga u d-DFB-Pokal, it-tazza Ġermaniża. Tul din il-kompetizzjoni, it-tim Ġermaniż rebaħ kull logħba li lagħab, b’dan huwa l-ewwel tim f’din il-kompetizzjoni li għamel dan is-suċċess.
Din il-finali ġabet fi tmiem l-istaġun 2019/20, li kien wieħed itwal mis-soltu minħabba l-istaġun tal-futbol fil-kontinent Ewropew kellu jieqaf ħesrem minħabba l-pandemija.
Din il-finali tmexxiet mir-referee Taljan Daniele Orsato.