Fil-mira tal-editorjal tat-Times of Malta tat-Tnejn kien hemm il-familji tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fi ftit kliem l-editorja ried jargumenta li l-mara tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandhomx joħduha bi kbira wisq li wliedhom spiċċaw vittma ta’ bullying politiku.
Anzi minflok ipoġġi fuqhom il-piż għax skont it-Times esponew lit-tfal u lill-mart il-Kap tal-Oppożizzjoni jikkritika għax qed taġixxi bħal mart il-Prim Ministru.
Lil Jason Azzopardi, deputat Nazzjonalista, dan l-editorjal niżillu għasel.
Għax jidħol kexxun man-narattiva li tiġġustifika l-attakki fil-konfront tal-familja tal-Prim Ministru. U permezz tiegħu seta’ jagħti daqqa lil Delia wkoll.Xerrdu fuq twitter u qal: “Aqraw dan l-editorjal u rriflettu.”
Iżda, ma damitx ma waslet ir-riflessjoni ta’ Pierre Portelli li wieġbu u qallu: “Editorjal patetiku.”
F’dak li kompliet bħala botta ċara ta’ x’suppost qed jappoġġja Pierre Portelli tah link għal dak li qal il-Kap tal-Opppżizzjoni l-Ħadd u qallu din hi xi ħaġa li għandha tkun imxerrda minn dawk li ġenwinament huma interessati fiex jemmen il-Partit Nazzjonalista.
Fi kliem ieħor qallu aħjar tappoġġja lil Delia milli tibqa’ timbotta aġenda kontrih.
Iżda, Azzopardi ma tantx kien impressjonat.
“Ġennata,” qallu lil Portelli. Dan għax sejjaħ patetika gazzetta li skont Azzopardi l-partit nazzjonalista jridha bħala sors leali u b’saħħtu biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Finalment qallu li hu kburi li mhux l-avukat ta’ Michelle Muscat.
Biex il-jiem tal-festi u l-mistrieħ ma qatgħux għalkollox il-batibekki fil-partit nazzjonalista li sena wara li ħatar kap ġdid ma jistax jieħu r-ruħ.