Il-Membru Parlamentari Ewropew Franċiż Raphaël Glucksmann, il-Ħadd qal li l-Istati Uniti għandhom jirritornaw lura l-Istatwa tal-Libertà fi kritika apparenti lejn it-tmexxija tal-President Donald Trump.
Skont stazzjon tal-midja Franċiża, huwa qal “Ngħidu lil dawk l-Amerikani li ddeċiedaw joqgħodu fuq in-naħa tat-tiranni, lil dawk l-Amerikani li ssensjaw riċerkaturi għax talbu għall-libertà xjentifika, agħtuna lura l-Istatwa tal-Libertà”.
Waqt konvenzjoni tal-moviment tiegħu Place Publique, Glucksmann tenna li “Tajnihilkom bħala rigal, iżda apparentament tiddisprezzawha, għalhekk tkun aħjar hawnhekk.”
Franza kienet irregalat l-Istatwa tal-Libertà lill-Istati Uniti wara l-Gwerra Ċivili u minn dakinhar saret simbolu tad-demokrazija u l-libertà.
Skont rapporti tal-UNESCO World Heritage Convention, l-Istatwa tal-Libertà hija propjetà tal-Istati Uniti, jiġifieri teknikament dak li qed jgħid Glucksmann mhuwiex possibbli.
B’risposta għal dan id-diskors, l-inkarigata mill-uffiċċju stampa tal-White House, Karoline Leavitt, waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn, qalet li “il-parir tagħha lil dak il-politikant Franċiż bla isem u ta’ livell baxx ikun li tfakkru li huwa biss grazzi għall-Istati Uniti tal-Amerika li l-Franċiżi bħalissa ma jitkellmux bil-Ġermaniż u għalhekk għandhom ikunu grati ħafna lejn il-pajjiż kbir tagħna.”