F’April li jmiss, se jibdew proċessi sabiex il-bastimenti kollha mitluqa li hemm fil-Port il-Kbir jitneħħew mill-aktar fis possibbli. Dan wara numru ta’ snin fejn bastimenti kbar u anke riggijiet taż-żejt sfaw mitluqa f’dan il-port u b’hekk saru ġerħa fil-veduta tan-Nofsinhar ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport, Ian Borg spjega li dan it-tindif tal-Port il-Kbir se jkun nifs ġdid għar-residenti tal-Kottonera, li maż-żmien bdew jaraw dan il-port uniku jsir ċimiterju tal-bastimenti.
Il-Ministru Borg stqarr: “Kien hemm numru ta’ residenti u komunitajiet fil-Kottonerali bir-raġun kienu qed jilmentaw li kien hemm żewġ ‘oil rigs’ li kienu ilhom hemm wieqfa għal tlieta, erba’ snin. Kien hemm ukoll numru ta’ bastimenti fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-Marsa li kienu ilhom mitluqa. Qed nitkellmu fuq madwar għaxar bastimenti li ammont sostanzjali minnhom diġà tneħħew wara li nġibdet l-attenzjoni. Se niżguraw li dak li għandu jitneħħa, jitneħħa.”
Huwa qal li bit-tneħħija ta’ dawn il-bastimenti, se jkun hemm aktar spazju biex jidħlu aktar bastimenti li jikkontribwixxu fl-ekonomija Maltija u joħolqu aktar impjiegi.
Il-Ministru fakkar fil-proġett tax-ship to shore fejn il-vapuri jitqabbdu ma’ sistema tal-elettriku u jitfu kompletament il-magni meta jankraw mal-Port.
Intant, il-Kaptan, David Bugeja spjega li s-sidien tal-vapuri abbandunati se jingħataw massimu ta’ xahrejn biex jirtiraw dawn il-bastimenti.
Huwa fisser: “L-Awtrorità tibgħat in-notifika uffiċjali ta’ sidien ta’ bastimenti li jitqiesu li huma abbandunati jew qegħdin f’kundizzjoni li jkunu ta’ riskju għall-ambjent u anke għan-navigazzjoni. Jekk is-sidien ma jirrispondux jew ma jiħdux miżuri, l-Awtorità tinfurmahom li se tieħu l-azzjoni neċessarja hi u se żżomm lilhom responsabbli għall-ispejjeż involuti.”