Il-bastiment Aquarius mistenni jittrasferixxi wħud mill-immigranti li għandu abbord lil bastimenti oħra Taljani li se jkunu qedgħin jakkompanjawh sad-destinazzjoni tiegħu ġo Valencia fi Spanja. Dan skont pjan li ġie mħejji mill-Awtoritajiet Taljani.
Il-vapur kien ilu maqbud f’ibħra internazzjonali għal jumejn wara li l-Italja, b’ordni tal-Ministru tal-Intern Matteo Salvini u li kellha l-obbligu li ddaħħal is-629 immigrant fil-portijiet tagħha, irrifjutat li tagħmel dan. Madanakollu kmieni t-Tlieta filgħodu irċiviet konsenja ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Taljani wara li l-awtoritajiet Maltin għamlu l-istess matul il-jum tat-Tnejn.
Malta rrifjutat li ddaħħal l-immigrant għax l-awtoritajiet Maltin la kienu l-awtorità kompetenti u lanqas l-awtorità li kienet qed tikkordina l-operazzjoni ta’ salvataġġ. Iktar tard Spanja ħabbret li se tieħu l-immigranti hi.
Madanakollu, hemm tħassib li l-kundizzjonijiet abbord l-Aquarius m’humiex ideali għal vjaġġ li mistenni jieħu madwar erbat ijiem hekk kif il-bastiment huwa ippakjat sa ruħ ommu bl-immigranti. It-trasferiment ta’ wħud mill-immigranti fuq bastimenti oħra huwa ntiż biex tittaffa din il-problema.