Wasal f’Malta l-bastiment USS Arlington, wieħed mit-tliet bastiment li ssemma biex ifakkar l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru tal-elfejn u wieħed.
Il-bastiment trakka fil-Port il-Kbir il-Ħadd u jinsab Malta għall-ftit jiem bħala parti minn missjoni fil-Mediterran.
Crew ta’ ONE NEWS tela’ abbord il-bastiment Amerikan bil-Kaptan Todd Marzano jistqarr l-entużjażmu tiegħu li jinsab fil-gżejjer tagħna għall-ewwel darba. Il-baħrin abbord il-bastiment li jgħoddu madwar elf ħadu l-opportunità biex jinżlu l-art u jgawdu l-ġmiel tal-gżejjer Maltin minkejja li l-maltemp ma tantx ippermetta.
Waqt iż-żjara tagħna fuq il-bastiment ilmaħna bosta referenzi għall-memorja tal-vittmi tal-attakki tal-11 ta’ Settembru. Fuq kollox tispikka l-frażi we will never forget, fil-mużew li jsellem il-memorja tal-vittmi.
Tkellimna wkoll ma’ uffiċjali oħra li spjegawlna li l-bastiment li beda jbaħħar fl-2012, huwa mgħammar b’diversi vetturi li jinstaqu kemm fil-baħar kif ukoll fuq l-art.
Il-bastiment iġorr ukoll żewġ helicopters għal ħtiġijiet differenti fosthom dak ta’ salvataġġ.
Wara ż-żjara f’Malta, il-bastiment se jibqa’ fil-Mediterran qabel ikompli bil-missjoni tiegħu.