Bastiment, li qed jikkampanja kontra l-għeluq tal-Medda ta’ Gaza fil-konflitt fil-Lvant Nofsani, spiċċa f’diffikultajiet ’il barra mill-ibħra territorjali Maltin għall-ħabta ta’ nofsillejl minħabba nirien li ħakmu l-poppa tiegħu u kien jeħtieġ l-assistenza.
Stqarrija mill-Gvern Malti qalet li l-Malta Vessel Traffic Services irċieva s-sejħa għall-ajjut f’nofsillejl u għoxrin minuta mill-bastiment ‘Conscience’, li għandu fuqu 12-il membru tal-ekwipaġġ u erba’ ċivili. Ingħad li l-ebda persuna ma weġġgħet.
L-ewwel għajnuna ngħatat minn tug boat attrezzata għat-tifi tan-nar, li kienet mil nawtiku ’l bogħod, li informat lil Malta u offriet mill-ewwel l-għajnuna hekk kif waslet fuq il-post madwar siegħa wara.
Patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta wkoll intbagħtet fuq il-post biex tassisti.
Fis-2:13 ta’ filgħodu ġie kkonfermat li dawk abbord kienu kollha siguri, iżda rrifjutaw li jitilgħu abbord it-tug boat, waqt li s-sitwazzjoni kienet kompletament taħt kontroll sal-3:45 ta’ filgħodu.
Il-bastiment għadu f’ibħra internazzjonali u qed jiġi mmoniterjat mill-awtoritajiet kompetenti.