Il-bastiment Amerikan, USS Hershel “Woody” Williams dalwaqt se jieqaf f’Malta għal diversi ġimgħat biex isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni li jiżguraw li l-vapur ikun konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u tal-protezzjoni ambjentali.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ambaxxata Amerikana f’Malta, fejn tħabbar li ż-żjara ta’ manutenzjoni tal-vapur, it-tieni waħda tax-xorta fl-aħħar sena, tippromwovi s-sħubija marittima bejn l-Istati Uniti u Malta, filwaqt li tikkontribwixxi wkoll b’mod
sinifikanti għall-ekonomija Maltija.
Intqal li l-Istati Uniti tapprezza l-kompetenza teknika, offruta lill-USS Hershel “Woody” Williams (ESB-4) f’Malta, li mhix disponibbli f’ħafna postijiet oħra.
F’din l-istqarrija ntqal li dan il-bastiment Amerikan baħħar lejn Malta wara li għen fit-terremot qawwi fit-Turkija. L-ekwipaġġ tal-vapur wassal provvisti ta’ għajnuna għad-diżastri, fosthom jikkonsistu fi prodotti tal-iġjene, ħwejjeġ u kutri.
Intqal li dan il-bastiment jipprovdi appoġġ fosthom f’missjonijiet kontra l-piraterija, sigurtà marritima u assistenza umanitarja.