Mellieħa Libertas Spalding ġew dikjarati rebbieħa tal-kompetizzjoni BOV Knock Out wara li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball, fi stqarrija, ħabbret li l-avversarji tagħhom Hibernians ma kienux jistgħux jonoraw il-fixture minħabba nuqqas ta’ plejers disponibbli għall-finali.
Dan hekk kif Hibernians għandhom bosta plejers sospiżi jew imweġġa’ u kien impossibli li jilgħabu il-finali li suppost kellha ssir nhar il-Ħadd li ġej.
Is-sopensjonijet ta’ Hibernians kienu marbuta mas-semifinali kontroversjali li kellhom mill-Kampjonat tal-Irġiel kontra Depiro u li fiha nstabu ħatja li ġabu diżrispett lejn il-logħba tal-Basketball meta għall-aħħar sitt minuti tagħha naqqsu milli jippruvaw jiskorjaw punti.