It-team nazzjonali malti U18 tat-tfajliet għadda għall-finali tal-FIBA Under-18 European Championship (Division C) li qed isir f’Durres l-Albanija.
It-team malti, s-sibt wara nofs-in nhar, għeleb lill-Armenja bl-iskor ta’ 68-60 fis-semifinali.
B’hekk il-maltin għaddew għall-finali kontra l-Albanija, li fis-semifinali l-oħra għelbu lil Andorra bl-iskor ta’ 67-53.
Il-maltin rebħu l-ewwel żewġ sessjonijiet rispettivament 19-18 u 21-15. L-Armeni żiedu l-isforzi fit-tielet sessjoni hekk kif rebħu 1-14. Biss il-maltin irreġixxew u rebħu l-aħħar sessjoni 27-13.
It-team malti kien rebaħ iż-żewġ logħbiet minn Grupp A kontra Andorra u Ċipru u b’hekk għadda għas-semifinali kontra r-runner up ta’ Grupp B.
Din se tkun it-tieni darba infila li Malta se tkun għaddiet għall-finali ta’ dan il-kampjonat U18 hekk kif is-sena l-oħra l-plejers maltin kienu wkoll għaddew għall-finali kontra Georgia fejn dak-in nhar kienu tilfu 61-37.
Il-finali tal-Ħadd tintlagħab fis-18:00.