It-team nazzjonali tan-nisa tal-Basketball kiseb it-tieni rebħa fil-kampjonat tal-pajjiżi ż-żgħar li qed isiru f’Nicosia Ċipru, hekk kif kmieni l-Ħamis wara nofs-in nhar għeleb lil Andorra bl-iskor konvinċenti ta’ 76 għal 41.
Din kienet it-tieni rebħa minn daqstant logħbiet u b’hekk Malta aċċertat ruħha minn midalja f’dan il-kampjonat.
It-team immexxi mill-coach Angela Adamoli kien dejjem f’kontroll assolut tal-logħba. Rebaħ l-ewwel tliet sessjonijiet rispettivament: 21-11, 18-7 u 25-11. Fl-aħħar sessjoni Malta naqqset ftit ir-ritmu bl-iskor ikun 12 bi 12.
L-aħjar skorer għat-team malti kienet Josephine Diaby b’21 punt, segwieta minn Stephanie De Martino bi 18 -il punt u Ashleigh Van Vliet bi 13.
Il-maltin issa jridu jaraw x’kulur se tkun il-midalja tagħhom meta jilgħabu ż-żewġ logħbiet li jmisshom fi tmiem il-ġimgħa.
Is-sibt Malta tilgħab kontra Ċipru filwaqt li l-Ħadd kontra n-Norveġja.