It-team nazzjonali malti tal-Basketball tan-Nisa kiseb it-tielet rebħa minn daqstant logħbiet minn Grupp A tal-Kampjonat għall-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li qed isiru l-Kosovo.
Il-plejers maltin kellhom wirja oħra ta’ qlubija u għelbu lit-team ta’ Ċipru bl-iskor ta’ 82 – 71.
Il-maltin bdew tajjeb u rebħu l-ewwel żewġ sessjonijiet rispettivament 20-16 u 14-13. Ċipru rebħu t-tielet sessjoni 18-16. L-aħħar sessjoni kienet waħda kumbattuta u hekk kif il-maltin dehru li se jagħlqu l-logħba, l-avversarji tagħna żiedu r-ritmu u għamlu l-iskor indaqs 69-69.
Kien hemm bżonn l-overtime u hawnhekk il-maltin kienu fi klassi għalihom b’run ta’ 13-0.
It-team malti immexxi millp-kowċ Charles Bonniċi kiseb ir-rebħa u issa jħares b’ottimiżmu lejn is-semiifnali ta’ nhar is-sibt.
L-aħjar skorers għal Malta kienu Amber Melgoza b’27 punt u Danika Galea b’26 punt.


Intant illejla wkoll kienu fl-azzjoni t-team nazzjonali malti tal-Basketball tal-irġiel u f’logħba missielta tilef kontra Andorra bl-iskor ta’ 82-78.
Malta rebħet l-ewwel sessjoni 23-16 iżda Andorra rebħu t-tieni waħda għal skor ta’ 40-34 sal-intervall.
Andorra rebħu wkoll it-tielet sessjoni 25-16 biex l-aħħar sessjoni kienet waħda mimlija emozzjonijiet li rat lill-avversarji joħorġu rebbieħa lejn it-tmiem 82-78.
L-aħjar skorer għal Malta kien Samuel Deguara bi 19-il punt.
