It-team nazzjonali malti tal-Basketball tal-irġiel kiseb il-midalja tal-fidda waqt il-Kampjonat għall-Pajjiżi ż-Żgħar li kien qed isir f’Andorra.
Dan hekk kif fil-finali li ntlagħbet il-Ħadd filgħaxija it-team malti tilef kontra l-istess Andorra bl-iskor ta’ 84-79. Kienet finali kumbattuta li rat lill-avversarji mgħejjuna mill-appoġġ ta’ mijiet ta’ partitarji li attendew bi ħġarhom isegwu din il-logħba. Deċiżiva kienet l-aħħar sessjoni li rat lil Andorra jirkupraw żvantagg fl-iskor.
Andorra rebħu l-ewwel sessjoni bi skor ta’ 20-19. Biss il-maltin irrispondew bir-rebħ tat-tieni sessjoni 15-20. B’hekk sa nofs il-logħba Malta dawret ir-riżultat favur tagħha għal skor ta’ 39 – 35 minn fuq.Il-finali baqgħet waħda kumbattuta, b’botta u risposta bejn iż-żewġ timijiet. Kienu Andorra li rebħu t-tielet sessjoni bi skor ristrett ta’ 18-17, bil-maltin jibqgħu minn fuq bħala skor totali (56-53).
L-aħħar sessjoni kienet waħda mimlija emozzjonijiet li rat lill-avversarji tagħna joħorġu għall-kollox fuq l-attakk. Sessjoni li ntemmet favur Andorra 31-23 biex kienet deċiżiva għalihom biex jirbħu l-logħba.
L-aħjar skorer għal Malta kien David Buġeja bi 22 punt.