Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li huwa diżappuntanti kif l-MEP Therese Commodini Cachia tiffirma stqarrija inġusta u giddieba, u li lesta titla’ fuq il-karru tal-gideb tal-Oppożizzjoni bħala kampanja biex tagħmel allegazzjonijiet dwar il-Ministru Evarist Bartolo.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, qal li meta ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm allegazzjonijiet dwar possibbiltà ta’ abbuż b’rabta ma’ xogħlijiet fl-iskejjel hu ta ordni mill-ewwel biex il-każ jittieħed għand il-pulizija.
Huwa spjega li kien talab biex dan isir minn Philip Rizzo li kien ċermen tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u talab lill-avukat tal-Ministeru biex hi ukoll tirrapporta l-każ.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li fil-bidu ta’ Settembru tneħħiet ukoll mill-ewwel il-persuna msemmija biex ma jkollu x’jaqsam xejn iżjed max-xogħol tal-Ministeru.
Intalbet ukoll investigazzjoni mill-Internal Audit & Investigations Department. Huwa għalhekk inġust li jingħad mill-Oppożizzjoni li f’dan il-każ il-Ministru “għadu ma għamel xejn”. Il-passi mill-ewwel ttieħdu u bla ebda relevanza lejn min hu l-individwu jew fejn jaħdem.