Fi stqarrija Ministerjali mill-iktar dettaljata il-Ministru tal-Edukazzjoni ta rendikont tal-korrispondenza li għaddiet bejnu u l-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Philip Rizzo.
Dan minn April li għadda sa ftit tal-jiem qabel ir-riżenja ta’ Rizzo ftit tal-jiem ilu. Il-Ministru Bartolo qara messaġġi bl-sms u imejls li kull darba urew kif Bartolo kien qed jgħid li ebda persuna li tagħmel ħażin ma jista’ jgawdi minn xi tip ta’ protezzjoni jew immunità.
Dan anke jekk min ikun allegatament involut seta’ ħadem politikament għall-Ministru tul is-snin. Il-Ministru Bartolo żvela kif kull darba li kien hemm allegazzjonijiet kien qed jintalab li jinġabar it-tagħrif u saħansitra inħatret investigazzjoni li tmexxiet mis-Sur Paul Bonello.
Ladarba din l-investigazzjoni kkonkludiet li kellhom jittieħdu passi, il-Ministeru tal-Edukazzjoni bagħat il-każ lill-pulizija. Saħansitra, qal il-Ministru Bartolo, kien hu ukoll li talab lil Edward Caruana jitneħħa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.
“Għidt lil Rizzo li għandu biżejjed biex imur għand il-pulizija,” qal ukoll Evarist Bartolo li mill-korrispondenza li kwota rriżulta li l-Ministru kien l-ewwel wieħed li bagħat il-każ għand il-pulizija u entitajiet oħra.