Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera jħabbar li wara diskussjonijiet li saru f’dawn l-aħħar ġranet bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), l-Awtorità tal-Ippjanar (il-PA), WasteServ Malta Ltd., kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-Malta Developers Association (MDA), ġew konklużi diversi miżuri li se jittieħdu sabiex iservu bħala soluzzjoni immedjata kif ukoll fit-tul.
Il-Ministeru qiegħed jinforma lill-pubbliku li barriera ġewwa s-Siġġiewi, li tinsab f’żona speċjali ta’ konservazzjoni u li qiegħda fi stat ta’ abbandun, b’mod immedjat minn nhar it-Tnejn, 2 ta’ Lulju 2018, se tibda tilqa’ materjal nadif li ġej mill-industrija tal-kostruzzjoni.
Il-Gvern jirrimarka li fuq din il-barriera hemm diġà ordni ta’ infurzar maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar f’April tal-2017, u l-ERA imponiet dawk il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex is-sit ikun immaniġġjat skont ir-regoli applikabbli u jiġi aċċertat l-inqas impatt fuq l-ambjent. Sabiex tissostanzja dan, se tkun ukoll qed tinħareġ ordni ta’ konservazzjoni. Se tkun il-kumpanija WasteServ Malta Ltd. li se tkun qiegħda tilqa’, timmaniġġja u topera dan il-proċess. Għaldaqstant, il-WasteServ se tkun qiegħda tikkomunika r-rati u l-proċeduri fi stqarrija separata fil-mumenti li ġejjin.
Intant, l-ERA, f’dan l-istadju qiegħda tipproċessa permessi għal tmien barrieri privati oħra sabiex ikunu jistgħu jilqgħu radam u materjal ta’ kostruzzjoni ieħor—ma’ dan il-Malta Developers Association esprimiet qbil.
Il-Gvern, permezz tal-ERA u bl-involviment ta’ entitajiet oħrajn li għandhom rwol f’dan il-qasam, qiegħed iħejji strateġija u politika rigward l-iskart tal-kostruzzjoni sabiex jiġu identifikati u diskussi soluzzjonijiet għall-futur.