Barriera fl-Imqabba qed tkun proposta sabiex tinbidel f’solar farm.
Id-deċiżjoni dwar din il-proposta mistennija tittieħed mill-Awtorità tal-Ippjanar il-Ħamis li ġej.
Is-sit li jinsab viċin ix-Xagħri l-Imqalleb u Triq is-Siġġiewi jgħodd aktar minn 65,000 metru kwadru ta’ art. Bi ftit aktar minn 53,000 metru kwadru qed ikun propost li jkun użat biex jitwaħħlu erbatax-il elf pannella fotovoltajika.
Qed ikun stmat li dawn il-pannelli jistgħu jiġġeneraw mal-5,000 kilowatt ta’ enerġija.
Is-sit huwa aċċessibli minn żewġ naħat li kienu jintużaw sabiex it-trakkijiet jitgħabbew u madwar dan is-sit hemm diversi barrieri u għelieqi oħra.
L-għaqda mhux governattiva Nature Trust proponiet li mad-dawra tal-barriera jinżergħu siġar indiġeni iżda l-Perit fuq dan il-każ saħaq li bid-dell tagħhom itellfu mill-effiċjenza tal-enerġija ġġenerata.
Minkejja dan qal li fin-naħa ta’ fuq ta’ din il-barriera hemm propost li jinżergħu mat-18-il siġra tal-ħarrub xi arbuxelli li hu mifhum li ma jtellfux l-ġenerazzjoni tal-enerġija mix-xemx.
Ir-rapport mill-espert fuq dan il-każ qal li dan l-iżvilupp għandu jsir għax huwa proġett sostennibli u jmur tajjeb mal-miri tal-2020 dwar l-użu tal-enerġija rinnovabbli.
Fir-rapport intqal li għandha tintalab garanzija bankarja ta’ ftit aktar minn 45,000 ewro f’każ li l-applikant ma jżommx mal-pjan sottomess u li finalment ikun approvat.
Dan il-proġett propost isegwi ieħor li sar f’barriera fl-Imġarr fejn diversi pannelli foto-voltajiċi qed jagħtu enerġija prezzjuża ġġenerat b’arja nadifa.