Żewġ Iżraeljani ġew arrestati b’rabta ma’ dawn l-inċidenti, kif ikkonfermat fi stqarrija tal-Pulizija dalgħodu.
Ingħad li sitt Iżraeljani b’kollox nħarġu mill-ground, u b’riżultat tali nvestigazzjonijiet li saru, tnejn minn dawn il-persuni nżammu taħt arrest b’rabta mal-użu ta’ flares.
Il-Pulizija qalet li, bħal f’kull logħba oħra, twettaq tfittixijiet fuq kull persuna li kienet dieħla ġewwa l-istadium.
Fuq xi partitarji ta’ Maccabi Haifa instabu xi materjal pirotekniku (flares), anke fejn il-partijiet intimi tagħhom.
Intqal kif minkejja l-isforzi kollha li saru xi wħud xorta rnexxielhom idaħħlu xi flares fl-istadium.
Meta nqalgħu l-inċidenti fil-grawnd, il-Pulizija immedjatment ħadu kontroll tas-sitwazzjoni u ġew evitati aktar inċidenti.
Fil-fatt l-ebda persuna ma sofriet ġrieħi, u fl-ebda ħin il-partitarji avversarji ma avviċinaw lil xulxin.
Iż-żewġ barranin mistennija jiġu mressqa l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.
Aktar qabel
Il-Pulizija kellhom jintervjenu fuq il-partitarji tat-tim Iżraeljan Maccabi Haifa wara li ħolqu periklu fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali bit-tfigħ ta’ numru ta’ flares fil-ground u fid-direzzjoni ta’ partitarji ta’ Ħamrun Spartans, li kienu qed jilagħbu kontrihom bħala parti mill-kompetizzjoni tal-UEFA Champions League.
Xhieda fuq il-post, li tkellmu ma’ ONE News, qalu li diversi partitarji ta’ Maccabi Haifa ġew miżmuma mill-Pulizija f’waqtiet li kienu qed ikunu vjolenti.
Kawża ta’ dan l-inċidenti u l-imġieba deplorabbli tal-partitarji Iżraeljani, il-partita kellha titwaqqaf għal madwar nofs siegħa, biż-żewġ timijiet jidħlu fid-dressing rooms.
Waqt li l-Pulizija dalgħodu ma setgħetx tikkonferma jekk kienx hemm persuni li qed jiġu interrogati jew li se jitressqu l-Qorti akkużati bl-inċidenti, it-tfigħ ta’ flares hu reat gravi skont l-standards imposti mill-UEFA.
Apparti flares li ntefgħu fil-grawnd, li kkawżaw ħsarat lit-turf artifiċjali, oħrajn kienu direzzjonati lejn parti tal-istands fejn kienu preżenti uffiċjali tal-MFA, uffiċjali minn tat-tim nazzjonali Malti, qraba tal-istess plejers lokali u mistiedna speċjali oħrajn.
Sa dak il-ħin, it-tim Malti tal-Ħamrun Spartans kien qed jitlef bl-iskor ta’ 2-0. Meta l-logħob reġa’ tkompla u l-Pulizija kkalmaw is-sitwazzjoni, Maccabi Haifa spiċċaw rebħu bl-iskor ta’ 4-0.