Kull persuna, inkluż barranin, li taħdem jew trid taħdem fil-qasam tat-turiżmu u l-ospitalità f’pajjiżna, trid bilfors ikollha skills card li turi l-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħha fil-mestier.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, fejn intqal kif din ir-riforma se twassal biex l-industrija jkollha ħaddiema ta’ kwalità.
Hawnhekk ġew spjegati l-fażijiet ta’ kif se jaħdem il-proċess biex jinħarġu dawn is-skills cards, bl-ewwel fażi tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar li ġej.
Il-barranin kollha minn pajjiżi terzi, li japplikaw biex jirrilokaw f’Malta għal impjieg fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità, iridu l-ewwel jgħaddu minn proċess serju ta’ assessjar mill-ITS qabel eventwalment jinħarġilhom il-permess ta’ xogħol u residenza f’pajjiżna.
F’pajjiżhom stess, wara li japplikaw biex jaħdmu f’bar, front office, restoranti, kċina, fil-lukandi jew fis-servizzi tal-ikel u x-xorb, dawn issa se jkunu obbligati li jagħmlu kors onlajn biex juru li jafu jitkellmu u jikkomunikaw bl-Ingliż, iwettqu kors bażiku u assessjar dwar kif iġibu rwieħhom u jikkomunikaw mal-klijenti, kors dwar il-prodott turistiku Malti u anke assessjar fil-ħiliet tagħhom.
Jekk huma jgħaddu minn dan l-ewwel stadju u tinħareġ l-ittra ta’ approvazzjoni mill-aġenzija Identità biex jiġu f’pajjiżna, fl-ewwel jiem tagħhom f’Malta jridu bilfors jagħmlu intervista wiċċ imb wiċċ bil-lingwa Ingliża mal-ITS u hawnhekk jerġa’ jsir assessjar tal-ħiliet tagħhom fl-industrija.
Jekk l-applikant barrani ma jgħaddix mill-ewwel stadju ma jitħalliex jiġi f’pajjiżna, jekk ma jgħaddix mit-tieni stadju jintbagħat lura f’pajjiżu.
Dawk il-barranin ċittadini ta’ pajjiżi, li jistgħu jiġu f’Malta mingħajr ma japplikaw għal viża, u joqogħdu f’pajjiżna għal 90 jum, jistgħu jagħmlu dan l-assessjar f’pajjiżhom stess jew inkella f’pajjiżna mill-ewwel.
It-tieni fażi ta’ din ir-riforma se tidħol fis-seħħ minn Ottubru tas-sena d-dieħla u din tikkonsisti f’dawk l-impjegati barranin li diġà jaħdmu fil-qasam tat-turiżmu f’pajjiżna u li jridu japplikaw biex jerġgħu jġeddu l-permess tax-xogħol tagħhom.
Dawn ukoll iridu jagħmlu korsijiet u jgħaddu minn proċess ta’ assessjar u jekk l-awtoritajiet konċernati jaraw li m’għandhomx il-ħiliet neċessarji biex jaħdmu f’dan il-qasam, il-permess tax-xogħol ma joħroġx u jintbagħtu lura lejn pajjiżhom.
Il-korsijiet u t-testijiet huma obbligatorji u bi ħlas ta’ €450 għal dawk onlajn u ta’ €125 li jsiru direttament f’Malta.