Il-Maġistrat Joseph Mifsud ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Herman Sant ta’ 48 sena minn Ħad-Dingli.
Sant qed jiġi akkużat b’pussess ta’ droga kokaina, mhux għall-użu esklussiv tiegħu u ksur ta’ kundizzjonijiet b’rabta mal-ħelsien mill-arrest f’każ pendenti ieħor li kellu f’Lulju 2016.
F’digriet li ta l-Maġistrat Joseph Mifsud qal li l-qorti meta tiġi biex tikkunsidra talba għall-ħelsien mill-arrest, hija marbuta li tqis diversi fatturi u interessi, fosthom l-interessi tal-imputat u dak li tkun għaddejja minnu l-familja tagħhom.
Iżda l-Maġistrat Joseph Mifsud kien ċar u qal li jridu jitħarsu ukoll l-interessi tas-soċjetà wkoll li ħafna drabi jkunu huma li jinsterqu, jissawtu u jkunu mhedda fi djarhom, fit-toroq u fil-ħwienet.
Il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti wisq tibża’ li fl-aħħar snin enfasizzat wisq fuq id-drittijiet tal-imputati, iżda ma tatx widen biżżejjed lil dawk kollha li jgħixu fis-soċjetà tagħna li għandhom bżonn il-protezzjoni tal-Qrati wkoll.
Saħaq li fl-interess tal-ġid komuni, il-Qrati għandhom jkunu huma li jagħtu direzzjoni f’soċjetà li tilfet ħafna mill-valuri umani sodi li tellgħuna tant tajjeb fihom il-ġenituri, l-għalliema u l-mexxejja ta’ għaqdiet reliġjuzi u oħrajn ċivili tul is-snin.
Għaldaqstant, wara li l-qorti qieset l-akkużi serji li bihom jinsab akkużat l-imputat, fost oħrajn marbuta ma’ sejbien ta’ droga, u li l-fedina penali tal-akkużat mhix waħda netta, il-Maġistrat Joseph Mifsud ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Justine Grech. Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca.