Il-Barman Stephen Azzopardi, ta’ sitta u tletin sena minn pembroke ma nstabx ħati li kkawża ġrieħi gravi fuq Clinton Attard b’daqqa ta’ tazza. Dan wara li l-qorti nnotat li saru ċertu żballji tul l-investigazzjoni tal-każ u l-identifikazzjoni tal-akkużat.
Il-każ sar nhar l-għaxra ta’ Frar tal-elfejn u erbatax, meta waqt ġlieda ġo stabiliment ġewwa Paceville, Attard intlaqgħat minn tazza li xi ħadd waddab waqt ġlieda. Il-vittma qal lill-pulizija li l-ġlieda kienet inqalgħet bejn żewġ persuni wara li dawn ma riedux iħallsu għall-żewġt ifliexken alkoħol li kienu xtraw.
Il-vittma u sieħbu identifikaw l-akkużat biss wara li l-pulizija urewħ ritratt tiegħu u din ammontat għall-suġġeriment, li tmur kontra r-regoli tal-liġi tal-proċedura kriminali. Il-Qorti ppreseduta mill-maġistrat Doreen Clarke saħqet li dan, flimkien mal-fatt li kien hemm nuqqas kbir t’evidenza miġjuba fil-konfront tal-akkużat, jagħmilha diffiċli li Azzopardi jinstab ħati.