Barbie u Oppenheimer.
Żewġ films li qed jiġu meqjusa bħala blockbusters għas-sajf tal-elfejn tlieta u għoxrin u li ħolqu stennija kbira.
Fil-fatt, il-film Barbie, diġà sar l-akbar film għal din is-sena ġewwa l-Amerka u l-Kanada, filwaqt li fir-Renju Unit iż-żewġ films wasslu biex diversi swali taċ-ċinema ikollhom l-aktar tmiem il-ġimgħa impenjattiv f’erba’ snin.
Dawn ir-riżultati jaslu fi żmien fejn is-settur taċ-ċinima kien qiegħed ibatti minħabba l-kompetizzjoni qawwija tal-istreaming.
Sa mill-2009, bdiet tinħema l-idea li jinħoloq film isipirat minn l-pupa popolari Barbie, fejn anke kien hemm xniha li Amy Schumer u anke Anne Hathaway kienu se jaħdmu din il-parti.
Madankollu kienet Margot Robbie li rebħet il-parti prinċipali ta’ dan il-film, fejn hi flimkien ma’ Ryan Gosling, li jaħdem il-parti ta’ Ken, jisfaw mkeċċija minn Barbieland u jiġu fid-dinja reali sabiex isibu l-vera kuntentizza.
Dwar dan il-film, tkellimna mal-kritiku tal-films Mario Azzopardi li spjega li waħda mis-sorpriżi li għandu dan il-film huwa l-fatt li qed tidderieġih Greta Gerwig, li hi waħda mill-aktar nisa interessanti f’Hollywood.
Huwa anke tkellem fuq il-budget b’saħħtu li kellu dan il-film.
Qal, “Il-film sewwa mija u ħamsa u erbgħin miljun biex inħaddem, filwaqt li l-kampanja tal-pubbliċità swiet mija u ħamsin miljun, aktar mil-budget tal-film. Kellu kampanja interessanti ħafna, effetiva.
Qal, “It-trailer jgħidilna li jekk tħobb il-pupa Barbie, dan huwa il-film għallik, imma anke jekk ma tħobbx il-pupa Barbie dan huwa l-film għallik xorta.”
Fuq ix-xeqliba l-oħra, il-film Oppenheimer huwa ċċentrat fuq l-iżvilupp tal-ewwel bomba atomika, bil-protagonist ewlieni jkun Cillian Murphy li jinterpreta l-irwol ta’ J. Robert Oppenheimer.
Li għandu speċjali dan il-film ukoll huwa l-fatt li huwa miġbud bis-sistema IMAX li toffri esperjenza mill-isbaħ lil kull persuna li jara dan il-film fis-swali taċ-ċinima apposta.
Il-film huwa twil 3 sigħat u inġibed taħt id-direzzjoni ta’ Christopher Nolan.
Qal, “Oppenheimer huwa dwar bniedem li ħoloq il-bomba atomika, twil 3 sigħat, li jista jkun kienet ukoll ‘il ħaġa li biegħed in-nies imma ħadmet tajjeb ħafna fl-Amerka.”
Barbie sa issa għamel mija u ħamsa u ħamsin miljun dollaru amerikan, filwaqt l-Oppenheimer għamel erbgħa u disgħin miljun dollaru amerikan skont universal pictures.
Azzopardi spjega li diversi pajjiżi offrew skontijiet speċjali biex persuni iħallsu ammont irħas biex jaraw iż-żewġ produzzjonijiet.
Iż-żewġ produzzjonijiet, inħarġu f’għadd ta’ pajjiżi, nhar il-Ġimgħa li għaddiet, u l-kompetizzjoni bejnithom it-tnejn ġiet imsejħa bħala “Barbenheimer” fuq il-mezzi soċjali.
Qal, “Hawn Malta, Barbie diġà ħareġ, Oppenheimer se joħroġ din il-ġimgħa. Barbie, ħafna swali taċ-ċinima kienu mimljin, xi ħaġa interessanti kienet li ħafna nies marru bil-kulur roża bħalma wkoll marru barra minn Malta u dik toħloq ċertu atmosfera. Jien naħseb li finalment, il-pubbliku jixtieq jara films li huma relavament ġodda, vera taf għal xiex inti dieħel imma kemm se ndumu naraw sequences?”