Wara li ngħata l-attenzjoni medika meħtieġa, barbaġann, li safa vittma ta’ kaċċa illegali, ġie rritornat fil-faċilità tal-guvi tal-proġett tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), li jinsabu fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett, li tnieda sitt snin ilu bil-għan li l-popolazzjoni ta’ din it-tajra terġa’ titkattar fil-masġar.
Dwar l-inċident kodard, li seħħ dan l-aħħar meta persuna li għadha mhux magħrufa, b’mod illegali, sparat u darbet dan il-barbaġann, li kien inħeles fis-selvaġġ f’Novembru tal-2022, il-President tal-FKNK, Lucas Micallef, ikkundanna bla riservi dan l-att u qal li l-organizzazzjoni hi impenjata favur investigazzjoni bir-reqqa.
“Aħna nikkundannaw bil-qawwa kollha tali azzjonijiet, peress li jikkontradixxu l-prinċipji li nħaddnu. L-impenn bla waqfien tagħna lejn proġetti ta’ konservazzjoni jibqa’ prijorità ewlenija,” stqarr Micallef.
Sa mill-introduzzjoni tiegħu fl-2017, il-proġett tal-FKNK biex il-barbaġann jiġi integrat mill-ġdid f’pajjiżna wera suċċess kbir u jgawdi popolarità kbira mal-pubbliku inġenerali.
Fl-2022, il-proġett kien ra 14-il kokka simili, li twieldu bis-saħħa tiegħu, jiġu meħlusin fis-selvaġġ, bi tnejn minnhom ukoll mgħammrin b’GPS tags għall-osservazzjoni bi skop ta’ riċerka.
Minbarra hekk ġew installati wkoll tliet kaxxi għal bejtiet adegwati fil-Buskett stess biex it-tajr ikun jista’ jkompli jitnissel fis-selvaġġ.
Din is-sena wkoll ġew rilaxxati 16-il barbaġann ieħor, li twieldu fil-guvi tal-proġett. Minbarra t-tags tal-GPS, l-għasafar huma wkoll immonitorjati b’tagħmir tas-CCTV installat fil-kaxxi tal-bejtiet u fuq il-bini tar-Razzett tagl-Bagħal.
Stqarrija mill-FKNK qalet li l-pjani futuri immedjati tal-proġett jinkludu rilaxx fis-selvaġġ minn żoni oħrajn tal-gżejjer Maltin, inkluż minn postijiet urbani. Fil-proġett, li hu parzjalment iffinanzjat mill-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi, diġà ġew investiti madwar €60,000 mill-FKNK stess.