Jekk m’hemm xejn nieqes mill-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, hemm il-konsistenza fix-xhieda u testimonjanzi ta’ Maria Efimova, Daphne Caruana Galizia u Pierre Portelli.
Fix-xhieda tagħha Maria Efimova ċaħdet lil Daphne Caruana Galizia għal diversi drabi u minkejja li fil-magħluq Efimova u Caruana Galizia kienu ftehmu u kitbu mod, taħt ġurament l-istejjer tagħhom ma qablux.
Filfatt, il-Maġistrat Aaron Bugeja nnota li x-xhieda kienu kompletament opposti.
Fost dawn l-istejjer kontradditorji u kunfliġġenti hemm id-declerations of trust li suppost kellhom fuqhom isem mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat, u li ġie ppruvat li kienu ffalsifikati.
Dwar dawn il-karti, Efimova kinet qalet lil Caruana Galizia li hija kellha kopja tagħhom merfugħa b’mod sigur online. Madankollu aktar kemm din il-kalunja kompliet tiżviluppa Efimova qalet li hija qatt ma kellha kopja ta’ dawn il-karti u li saħansitra kienet il-blogger li wrietha dawn id-dokumenti waqt waħda mill-laqgħat tagħhom.
Efimova u Caruana Galizia naqsu milli jaqblu wkoll dwar il-ġurnata li ltaqgħu għall-ewwel darba fiha. Hawnekk Efimova biddlet ix-xhieda tagħha għal diversi drabi u filwaqt li darba qalet li kienet iltaqgħet mal-blogger f’ġurnata f’Marzu, ftit taż-żmien wara qalet li ltaqgħet magħha f’April.
Il-Maġistrat innota wkoll li f’intervista ta’ Efimova mal-ġurnal La Repubblica hija qalet li kienet iltaqgħet ma’ Caruana Galizia f’Ottubru ta’ sentejn ilu, sitt xhur qabel dak li xehdet taħt ġurament fil-Qorti.