Uffiċjali tad-Diviżjoni għar-Regolazzjoni Veterinarja ħarġu bosta ordnijiet lis-sidien ta’ razzett tal-baqar fil-Fgura wara li minn spezzjoni li saret irriżultaw għadd ta’ nuqqasijiet.
L-ispezzjoni saret ftit wara li ttellgħu sensiela ta’ ritratti fuq il-midja soċjali li kienu juru bosta baqar u għoġġiela li ma kinux jidhru f’kundizzjoni tajba.
L-uffiċjali ħarġu numru ta’ ordnijiet, fosthom li jitnaddaf ir-razzett, trattament mediku lill-annimali li jeħtieġuh u li jitranġaw il-kundizzjonijiet fejn jorqdu l-annimali.
Barra minn hekk, l-uffiċjali ordnaw li l-art titranġa b’tali mod li ma tiqbax tiżloq u jonqsu l-annimali preżenti biex ikun hemm imaniġġjar aħjar.
L-uffiċjali sabu wkoll li r-riżultati tat-testijiet mikrobijoloġiċi fuq il-ħalib huma tajbin.
Ingħad li minħabba li s-sid tar-razett miet riċentement, għaddejjin diskussjonijiet dwar il-futur ta’ dan ir-razzett.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali qal li kif titlesta l-investigazzjoni fuq dan ir-razzett, se jintbagħat minnufih rapport lill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li se jkun jinkludi wkoll l-azzjoni ta’ infurzar li għandha tittieħed.