Minkejja l-progress u r-riżultati ferm pożittivi u b’saħħithom fil-qasam tal-ugwaljanza li saru f’Malta fl-aħħar snin, baqa’ diversi affarijiet li rridu naħdmu fuqhom, fosthom l-attitudni tal-poplu lejn nies LGBTIQ.
Qalet dan f’kumment ma’ ONE News l-uffiċjal fid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u Integrazzjoni Gabi Calleja, l-għada li ġie ppubblikat stħarriġ tal-Ewrobarometru mill-Kummissjoni Ewropea.
Calleja stqarret “L-ewrobarometru uriena illi ovjament għad hemm elementi li rridu naħdmu fuqhom jiġifieri filwaqt li għandna framework legali u ta’ policy li hu b’saħħtu ħafna fejn tidħol l-attitudni tan-nies din tieħu ħafna aktar żmien biex tinbidel u allura hemm aktar xogħol xi jsir”.
B’referenza għaċ-ċifra ta’ 41% biss tal-ġenituri li jgħidu li jħossuhom komdi li binhom jew binthom tkun f’relazzjoni gay, Calleja qalet li għalkemm għal bidu din tista’ tkun ferm diffiċli għalihom, maż-żmien dawn il-ġenituri jaċċettaw din is-sitwazzjoni.
Hi sostniet li “Hemm ċertu ġenituri li jista’ jkun li ma jkunux daqsekk komdi jekk it-tfal tagħhom jidentifikaw bħala LGBTIQ, imma jista’ jkun ukoll li dawn l-istess ġenituri meta jiġu kkonfrontati bir-realtà biż-żmien jaċċettaw”.
Intant f’konferneza dwar l-ugwaljanza fi Brussell, il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis, semma kif l-Unjoni Ewropea għanda ssegwi l-passi ta’ ġgant li għamlet Malta f’dan ir-rigward.
“Ħa nibqgħu għaddejjin nittrasformaw lis-soċjetà tagħna pero wkoll hawnekk għamilt talba biex l-Unjoni Ewropea ssir leader fil-komunità internazzjonali għal dak li hija ugwaljanza, xogħol tal-Unjoni Ewropea li trid tagħmlu wkoll mal-Istati Membri, Malta ser tibqa’ tagħti l-kontributt tagħha fl-ugwaljanza bħala leader fejn jidħlu dawn id-drittijiet”, qal il-Ministru Zammit Lewis.
Zammit Lewis żied jgħid li għad baqa ħafna xi jsir biex nindirizzaw u neqirdu l-istigma u l-mentalità diskriminatorja li s-soċjetà għadha tiddomina.
Dan qalu fid-dawl tar-riżultati tal-Ewrobarometru dwar id-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ li juru li 36% tal-Maltin huma skomdi b’koppja tal-istess sess jesprimu l-imħabba fil-pubbliku waqt li 25% jaħsbu li ż-żwieġ ugwali m’għandux jiġi aċċettat.