Raġel li irrifjuta li jobdi l-ordni tal-pulizija u jwaqqaf il-karozza tant li l-pulizija kellhom jiġru warajh fit-toroq ta’ Birzebbuġa, z-Żejtun u ż-Żurrieq inżamm taħt arrest minkejja li ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, kien irrakkuntat kif George Azzopardi ta’ 38 sena min-Naxxar ipperikola l-ħajja ta’ ħaddieħor meta saq bl-addoċċ, anka fid-direzzjoni l-ħażina f’ ċerti toroq.
Għalhekk fl-Awla tal-Maġistrat Joe Mifsud kien akkużat li rreżista arrest b’mod vjolenti, li hedded u ħebb għall-puliżija u li għamel attentat biex iweġġgħa b’ mod gravi tlett pulizija. Akkużi oħra kienu relatati ma’ sewqan bi traskuraġni, li kkawża ħsara lil propjeta privata, li rrifjuta li jobdi ordni tal-pulizija u li daħħal rapport falz.
Fid-dawl tal-akkużi u li din ma kinitx l-ewwel darba li Azzopardi dahhal rapport falz, il-Maġistrat ma tahx il-liberta proviżjorja għaliex fi kliemu kull min iħossu fuq il-liġi u jaġixxi b’ mod irresponsabbli għandu ikun ikkundannat.