It-trust li nħoloq bil-għan li jkun immaniġġjat il-bejgħ tal-każini tal-Partit Nazzjonalista għadu attiv u jintuża bil-flus deħlin u ħerġin minnu.
Dan minkejja li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal u jgħid li ma jridx ibigħ iktar każini.
Il-gazzetta KullĦadd tista’ tiżvela dan minn tagħrif li kisbet minn ħdan l-istamperija.
Persuni li s-soltu jkunu dejjem korretti qalulna b’ċertezza li sa din il-ġimgħa stess isem it-trust intuża fi proċeduri amministrattivi li saru b’rabta mal-bejgħ ta’ wieħed mill-każini għal qalb il-partitarji Nazzjonalisti.
Dak ta’ Fleur De Lys. Qabel laħaq kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia kien wiegħed li jkabbar u mhux ibigħ il-każini.
Din id-dikjarazzjoni kisbet appoġġ kbir tat-tesserati, iżda wara li sar kap ma żammx kelmtu magħhom.
Kien fi żmien Simon Busuttil li l-Partit Nazzjonalista fetaħ trust biex jamministra l-bejgħ tal-assi tiegħu.
Dan it-trust, Patria Trust, hu reġistrat fuq l-indirizz personali tal-Eks Kummissarju Elettorali tal-PN, Joe Borg.
Iżda, il-flus miġbura qed imorru kollha għall-Partit Nazzjonalista.
Meta laħaq Adrian Delia, il-Kap kien żamm mal-pjan li sar meta nħoloq it-trust li l-Partit Nazzjonalista jbigħ 10 każini fuq perjodu ta’ 10 snin.
Fost il-każini li huma msemmija f’dan it-trust hemm dawk ta’ Fleur de Lys, ta’ Ħal Qormi, ta’ San Pawl il-Baħar, ta’ Birżebbuġa u taż-Żejtun.
Fil-każ ta’ Fleur De Lys il-proċess ingħalaq għal kollox u minnu l-Partit Nazzjonalista daħħal mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
Dan il-każ kien wieħed milli wera d-dwejjaq bil-fatt li se jkunu qed jinbiegħu iktar każini.
Fil-fatt, meta twaħħal il-permess tal-bini mal-każin kienu żvelati sensiela ta’ emails li juru kif l-amministrazzjoni tal-partit ħalliet fil-għama lill-membri kollha tal-kumitat dwar il-bejgħ tal-każin tant li kien il-barman li nforma lil wieħed mill-membri tal-kumitat meta sab ma’ wiċċu applikazzjoni għal żvilupp ta’ 14-il appartament flok il-każin imwaħħla mal-faċċata.
Ir-reazzjoni mill-membri tal-kumitat kienet waħda ta’ stmerrija.
Kien hemm min iddeskriva din id-deċiżjoni bħala tal-mistħija.
F’email oħra, is-Segretarja tal-Kumitat kienet qalet li l-kumitat dejjem enfasizza li tibqa’ l-preżenza tal-partit fi Fleur de Lys u sostniet li huma riedu li l-partit jinfurmahom direttament b’dak li jkun għaddej u mhux jisimgħu mingħand nies barra mill-kumitat.
Membru ieħor staqsa jekk dan hux il-mod ġdid li tkellem dwaru Adrian Delia li fil-kampanja għall-kap kien wiegħed li ried isaħħaħ il-każini u mhux ibigħhom.
Dan huwa każ ieħor fejn Delia wiegħed ħaġa u qed jagħmel l-oppost.