Ħafna huma dawk li jżarmaw djarhom fit-tieni jum tas-sena. Propjament, baqa’ festa oħra għada biex żmien il-festi kif nafuh, ngħidu li ġie fi tmiemu, għalkemm ikun baqa’ l-gandlora fit-2 ta’ Frar li tfakkar meta Ġesu’ Bambin ġie ppreżentat fit-tempju. Ta’ kull sena ssib ħafna nies li jużaw mezzi soċjali biex ifakkru li baqa’ l-Epifanija imma bħal donnha din il-festa f’pajjiżna hija biss iċċelebrata fil-Knisja.
Tant hija parti mill-festi li anke l-istudenti ma jibdewx skola qabel jgħaddi l-jum tas-6 ta’ Jannar. L-Italja hija waħda mill-iżjed pajjiżi li jiċċelebra din il-festa fejn anke jerġgħu jingħataw rigali lil xulxin u jwasslu l-awgurju tagħhom lill-ħbieb u familjari. It-tifsira ta’ din il-festa hija l-adorazzjoni tal-Maġi li joffru rigali lil Gesu’ Bambin b’simbolu għal dak kollu li toffri l-hajja; minn ferħ sa tbatija.