Tnediet skema innovattiva biex tgħin studenti li jkunu għaddejjin minn stress minħabba l-eżamijiet fiċ-Ċina.
Din l-iskema qed tissejjaħ bħala bank tal-marki, minn dan il-bank l-istudenti jkunu jistgħu jisselfu marki meta jġibu marka baxxa f’suġġett partikolari u hekk ikunu jistgħu jgħaddu mill-eżamijiet. L-għan ewlieni wara din l-iskema huwa li jitnaqqas l-istress fost l-istudenti li qed ipoġġu għall-eżamijiet.
Dan il-‘bank tal-marki’ qajjem diskussjoni ma taqta’ xejn fiċ-Ċina dwar ir-realtá sistema edukattiva li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed issir diffiċli.
Ir-rapporti fil-midja jispjegaw li din l-iskema ġiet introdotta f’Novembru tal-2016 għal grupp ta’ 49 student bl-għan li jkunu jistgħu jsegwu korsijiet fl-Istati Uniti.
Il-marki jistgħu jisselfuhom minn dan il-bank għal ċertu suġġetti li huma aktar diffiċli bħal lingwi, bijoloġija u l-istorja. Kienu tlettax-il student li użaw din l-iskema.
Il-marki li jisselfu jridu jrodduhom lura billi jpoġġu marki minn dawk l-eżamijiet li jmorru tajjeb ħafna fihom u jkunu jistgħu jużawhom fis-suġġetti li jsibu aktar diffiċli.
Bl-għan li l-istudenti jkomplu jistudjaw, minkejja ċ-ċans li jisselfu dawn il-marki biex jgħaddu minn eżami partikolari, jekk ma jpoġġux lura l-marki f’dan il-bank fi żmien qasir huma jibdew jeħlu l-interessi u għalhekk ikunu jeħtieġu aktar marki.
Jekk student ma jibqax jagħmel ħiltu fl-istudji tiegħu, l-għalliem jista’ jagħżel li ma jħalliħx juża din l-iskema filwaqt li l-istudent, jekk l-għalliem ma jkollux oġġezzjoni, jista’ ukoll isaqsi student ieħor biex itih mill-marki tiegħu.
Wieħed mill-istudenti stqarr li kien ma jiflaħx u għalhekk ma marx tajjeb f’eżami partikolari, iżda grazzi għal dan il-‘bank tal-marki’ huwa xorta waħda għadda mill-eżami u seta’ jkompli jistudja.