Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jintemmu d-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Malti dwar it-twaqqif ta’ Bank ta’ Żvilupp.
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li l-Gvern huwa fiduċjuż li l-Bank jingħata l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE). Fil-fatt, dan kien jeħtieġ proċess intensiv ta’ negozjati bejn il-Gvern u l-Kummissjoni, fuq l-iskop li għalih se jitwaqqaf il-bank u l-provedimenti dettaljati tal-leġiżlazzjoni.
L-għan tal-Gvern huwa li din l-istituzzjoni titwaqqaf qabel l-aħħar ta’ din is-sena stess.
“L-Att għat-twaqqif tal-Bank ingħata l-Ewwel Qari fil-Parlament u kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fl-aħħar ta’ Ġunju. Wara l-vaganzi tas-sajf, l-Att jitressaq għat-Tieni Qari u jsir il-kumplament tal-proċess parlamentari bl-għan li l-leġiżlazzjoni tgħaddi qabel l-aħħar tas-sena u jibda x-xogħol biex il-bank jibda jiffunzjona,” ikkonferma d-Deputat Prim Ministru.
L-għan ewlieni ta’ dan il-Bank huwa li jiffaċilità l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-Gżejjer Maltin permezz ta’ self u investiment f’diversi oqsma. Iż-żewġ oqsma ewlenin se jkunu l-finanzjament ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u tal-infrastruttura, però dan ma jeskludix attività f’setturi oħra.
Fin-negozjati, il-Gvern ħadem biex il-bank ma jkunx ittrattat bħala parti mill-finanzi pubbliċi u jidħol fid-defiċit. Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li l-bank se jkun istituzzjoni li tgawdi awtonomija kbira u titmexxa bla ndħil fid-deċiżjonijiet tagħha dwar self u investiment, fl-istess waqt li tagħmel dan billi tqis il-politika nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.