Il-bank Olandiż ABN Amro li ħamsin fil-mija tal-ishma tiegħu huma tal-Gvern Olandiż qiegħed jiġi investigat dwar każ serju ta’ ħasil tal-flus u ffinanzjar tat-terroriżmu.
Il-bank qiegħed jiġi akkużat li naqas milli jwettaq proċess ta’ verifika u monitoraġġ tal-klijenti tiegħu.
L-awtoritajiet tal-pajjiż qegħdin isostnu li l-bank naqas milli jirrapporta kull tranżazzjoni suspettuża lill-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus tal-pajjiż jew li dam biex jirrapportaha.
Din l-investigazzjoni ssegwi sensiela ta’ skandli kbar f’diversi banek Ewropej fosthom dawk Olandiżi.
Fil-fatt l-istituzzjoni finanzjarja ING, l-akbar waħda fl-Olanda ġiet mmultata €775 miljun wara li l-awtoritajiet tal-pajjiż sabu li naqset milli tkun konformi mal-liġijiet tal-pajjiż meta ħalliet għadd ta’ kumpaniji jissellfu miljuni kbar ta’ ewro biex iħallsuhom f’korruzzjoni.
Il-kumpanija ma tħallitx tieħu klijenti ġodda fl-Italja b’rabta ma’ investigazzjoni li għaddejja mill-awtoritajiet lokali. B’mod separat, is-sena li għaddiet Rabobank, ħallas lill-Gvern Amerikan $369 miljun wara li ppprova jaħbi s-sistema dgħajfa li għandu biex jivverika l-oriġini tal-flus. Fil-fatt il-bank ħalla bosta barunijiet ta’ droga biex isellfu mijiet ta’ miljun ta’ dollari.
F’każ ieħor li ġibed l-attenzjoni tad-dinja kien dak tad-Danske Bank fejn mal-200 biljun ewro ta’ flus Russi u ta’ ex Sovjetiċi daħlu fil-bank minn fergħa li kellu fl-Estonja.
Intant il-Bank ABN wissa lill-investituri tiegħu li jista’ jħabbat wiċċu ma’ multa waqt li naqas milli jistħarreġ kif suppost il-klijenti tiegħu wara li seta’ kiser il-liġijiet finanzjarji b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroiżmu.
Is-sena li għaddiet, Olga Zoutendijk irriżenjat minn chairperson tal-bank wara nuqqas ta’ qbil mal-gvern Olandiż. Dan wassal għal investigazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropej dwar il-governanza tal-bank.