Il-bank HSBC f’Malta ġie mmultat ħamest elef ewro wara li nstab li daħal ifittex f’kont personali ta’ impjegat biex jara għandux xi dħul ieħor minn xogħol ieħor.
Dan ħareġ minn deċiżjoni li ta l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u l-Informazzjoni u li r-rapport tiegħu ġie f’idejn ONE News.
Il-kwistjoni ddur ma’ impjieg part time li Mark Muscat ħa mal-HSBC f’Diċembru ta’ sitt snin ilu.
Għal bidu kollox mexa ħarir sakemm fl-elfejn u sbatax ġiet għall-attenzjoni tal-bank li l-impjegat inkwistjoni kien qed jagħmel xi xogħol ieħor part time bi ksur tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li kellu mal-HSBC.
Hawnhekk il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data sab ħati bi kliem ċar u tond li l-bank daħal ifittex fil-kont bankarju li kellu l-impjegat.
“Il-bank wettaq investigazzjonijiet biex aċċessa l-kont bankarju tal-impjegat u ra daħlux xi flus minn sorsi oħra barra s-salarju li kellu mal-bank”, ingħad fid-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.
Id-deċiżjoni pjuttost serja fil-konfront tal-HSBC iżżid tgħid li l-impjegat ma kienx konxju li kien hemm min qed jgħassilu l-kont bankarju tiegħu.
Intant din id-deċiżjoni ġiet wara s-sottomissjonijiet ta’ Muscat li ressaq l-ilment u tal-bank inkwistjoni flimkien ma verifiki li saru mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji.
Min-naħa l-oħra l-bank ma nstabx ħati li wettaq moniteraġġ fuq x’kiteb fuq il-midja soċjali, l-impjegat tagħha li kien anki fetaħ sew fuq gruppi fejn hemm involuti anki nies ta’ unjin bankarja.
“Meta wieħed jikteb fuq anki grupp ristrett ta’ profili fuq facebook, diġa qed jilgħab mal-kunfidenzjalità tal-każ”, stqarr il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u l-Informazzjoni.