Kumpanija deskritta bħala bank diġitali ġiet immultata mill-Financial Intelligence Unit (FIAU) b’rabta ma’ allegati nuqqas ta’ kontrolli rigward il-ħasil tal-flus.
Il-gazzetta Times of Malta rrappurtat li l-FIAU ħarġet multa ta’ €279,000 lil Papaya Limited il-ġimgħa l-oħra, sentejn wara li kienet għamlet żjara biex tivverifika l-konformità mar-regolamenti.
L-FIAU nnutat li l-kumpanija tat każ minimu tal-obbligi tagħha biex tipprevjeni l-ħasil tal-flus u ordnatilha tieħu azzjoni ta’ rimedju biex tiżgura li jkollha kontrolli adegwati kontra l-ħasil tal-flus.
It-Times ikkwotat lil Dr Tonio Fenech, direttur tal-kumpanija, jgħid li l-maniġment tal-kumpanija rrakkomanda li jsir appell kontra dak li sabet l-FIAU kif ukoll kontra l-penali imposti.
Intant, it-Times osservat li wieħed mid-diretturi ta din l-istess kumpanija, l-Iżvizzeru-Taljan Frederic Villa, fi Frar ġie ssanzjonat mill-Istati Uniti minħabba rabtiet mar-Russja. Huwa kien wieħed minn għexieren ta’ individwi u kumpaniji li ġew sanzjonati mill-Istati Uniti fl-isforz tagħhom kontra industriji li jappoġġjaw l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Villa rrizenja mill-bord ta’ Papaya Ltd fi Frar stess.