Il-Bank Ċentrali ta’ Malta reġa’ kkonferma li t-tkabbir annwali tal-attività kummerċjali u l-livell tal-impjiegi lokali baqgħu ogħla mill-medja storika.
Fl-aħħar aġġornament ekonomiku tiegħu, dak għal Diċembru, il-Bank Ċentrali indika b’mod ċar il-qawwa tal-ekonomija lokali, differenti minn dawk ta’ pajjiżi oħrajn.
Dan fl-istess ħin li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna baqgħet baxxa mill-perspettiva storika u baqgħet l-istess għat-tielet xahar konsekuttiv.
L-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fis-setturi kollha minbarra f’dawk tas-servizzi u l-kostruzzjoni. Il-Bank qal li, matul ix-xahar ta’ Ottubru, kemm il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-kummerċ bl-imnut żdiedu fuq is-sena ta’ qabel.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur niżlet għal 2.1% f’Novembru, waqt li l-inflazzjoni globali f’Malta kienet taħt il-medja taż-Żona Ewro, esklużi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija, li wkoll huma ssussidjati lokalment.
Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, l-inflazzjoni f’Novembru naqset għal 1.3%.
F’Ottubru, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit aktar baxx meta mqabbel ma’ sena qabel, hekk kif iż-żieda fid-dħul tal-Gvern kienet akbar miż-żieda fl-infiq.
Il-permessi residenzjali fl-aħħar tliet xhur tal-2024 kienu ogħla mil-livell tal-istess xhur sena ilu. Dan anke jekk, f’Novembru, l-għadd ta’ konvenji u kuntratti ta’ bejgħ naqsu.