F’Aġġornament Ekonomiku għax-xahar ta’ Frar, il-Bank Ċentrali ta’ Malta nnota li s-sentiment ekonomiku ta’ pajjiżna, f’Jannar, tela’ meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Dan is-sentiment kien ukoll ogħla mill-medja storika tiegħu. Il-Bank Ċentrali qal dan meta silet mill-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja.
Din il-ħarsa mill-Bank Ċentrali ta’ Malta ġiet proprju jum wara li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonferma li l-ekonomija ta’ pajjiżna fl-2022 kibret bi kważi 7 fil-mija: tkabbir li jammonta għal kważi biljun ewro.
Intant, ġie nnutat ukoll tnaqqis, f’Jannar, fl-Indikatur ta’ Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta. Dan ifisser livell aktar baxx ta’ inċertezza, primarjament fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u fl-industrija.
Tnaqqis iżgħar ġie rreġistrat fis-setturi tal-kostruzzjoni u s-servizzi. Min-naħa l-oħra, l-inċertezza fost il-konsumaturi telgħet bi ftit.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Bank Ċentarli ta’ Malta qal ukoll li fl-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju, hemm indikat li f’Jannar it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali wkoll kien f’livell ogħla mill-medja storika; medja stmata sa minn Jannar tal-2000.
Intant, fix-xahar ta’ Diċembru, ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess bħal fix-xahar ta’ qabel, jiġifieri 3.2 fil-mija.
Dwar it-rata annwali tal-inflazzjoni, li hija bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, il-Bank Ċentrali nnota tnaqqis ta’ 0.5 fil-mija. Dan hekk kif, minn 7.3 fil-mija, f’Diċembru tal-2022 dan naqas għal 6.8 fil-mija f’Jannar.
L-inflazzjoni, ibbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), niżlet ukoll. F’Jannar din kienet fil-livell ta’ 6.9 fil-mija, jiġifieri tnaqqis minn 7.4 fil-mija f’Diċembru.
F’Diċembru kompla jiżdied ukoll it-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti. Hawn ġie nnutat tkabbir ta’ 4 fil-mija.