L-aħħar rapport fuq l-ekonomija Maltija, li joħroġ ta’ kull xahar mill-Bank Ċentrali, jindika li din kompliet tikber b’rata akbar mill-medja storika ta’ 4%.
F’kuntest internazzjonali fejn l-ekonomiji l-kbar Ewropej, bħal dawk tal-Ġermanja u r-Renju Unit li qed jonqsu, l-andament tal-ekonomija ta’ pajjiżna, minflok, issaħħaħ iżjed skont dan il-kejl tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Dan l-iżjed għax kien hemm titjib fl-attività turistika, dik tal-kostruzzjoni u anke fid-dħul tal-Gvern. Minbarra hekk jirriżulta wkoll li naqset xi ftit l-inċertezza u hi inqas minn dik tal-aħħa snin.
L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali jinnotaw ukoll li l-fiduċja ekonomika kompliet titjieb.
Is-sentiment ekonomiku f’pajjiżna, kif imkejjel mill-Kummissjoni Ewropea, hu 3% aħjar mill-medja Ewropea. Anke fejn jittratta l-aspettattivi dwar l-impjiegi, in-negozji f’pajjiżi għandhom livell aqwa mill-medja storika.
L-analiżi tal-Bank Ċentrali, fil-fatt, tindika kif l-produzzjoni industrijali u l-bejgħ mill-ħwienet komplew jikbru fix-xhur li għaddew. Anke t-turiżmu kompla juri titjib sostanzjali, waqt li l-attività fis-suq tal-proprjetà wkoll baqgħet sostnuta, inkluż b’numru tajjeb ta’ kuntratti ta’ bejgħ u konvenji.
Sadanittant l-operaturi, speċjalment dawk fil-qasam tar-retail, indikaw li mistenni tnaqqis fiż-żidiet tal-prezzijiet. Dan jorbot mat-tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni osservata f’pajjiżna, li issa naqset taħt il-mira ta’ 2% u ferm inqas minn dik osservata fiż-Żona Ewro, li hi 2.5%.
Fl-aħħarnett ir-rapport tal-Bank Ċentrali jindika li d-depożiti tal-familji u n-negozji komplew jiżdiedu, filwaqt li anke l-qagħda fiskali tal-Gvern kompliet titjieb, għax mill-ġdid iż-żieda fid-dħul tal-Gvern kienet ferm aktar mill-infiq.