F’inizjattiva konġunta bejn entitajiet varji, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, inġabru tunnellati ta’ skart minn qiegħ il-baħar fix-xatt tal-Isla.
Il-cleanup fil-baħar ġiet organizzata mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma bħala parti mil-kampanja ta’ tindif ikkordinata minn Parks Malta.
Il-Kampanja ta’ Tindif se tissarraf f’azzjoni doppja favur l-ambjent, fejn minbarra t-tindif u ġbir ta’ skart se jitħawlu 2 siġriet għal kull tunnellata ta’ skart li jinġabar.
Matul din l-attività fl-Isla, it-tindif sar primarjament taħt il-baħar, bl-għajnuna ta’ iktar minn 20 għaddas u snorklers, minn diversi entitajiet governattivi inkluż l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, l-ERA u numru ta’ entitajiet oħra li offrew is-sapport tagħhom. Għal din l-attività, attendew ukoll numru ta’ għawwiema li assistew minn fuq il-baħar, waqt li għadd konsiderevoli ta’ parteċipanti kienu qed jassistu l-attività minn fuq l-art.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat kif din il-kampanja ilha għaddejja numru ta’ ġimgħat u kif l-għarfien m’għandux jieqaf biss sat-tindif, għalhekk għal darb’oħra se jitħawlu żewġ siġriet għal kull tunellata skart miġbura tul din il-kampanja.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano filwaqt li rringrazzja lil parteċipanti u l-entitajiet li offrew l-appoġġ tagħhom għal din l-attività, sostna kemm attivitajiet bħal dawn huma importanti għall-Aġenzija u dejjem jiġu inklużi fil-kalendarju tal-entita.
Fost it-tunnellati ta’ skart li ttella’ minn qiegħ il-baħar inġabru għadd ta’ fliexken tal-ħġieġ, metall u pajpijiet flimkien ma’ numru ta’ siġġijiet, batteriji, ħbula, tajers u anke banju.
Dan l-avveniment seta’ jittella’ grazzi għall-parteċipazzjoni u l-għajnuna ta’ numru ta’ entitajiet u organizzazzjonijiet fosthom il-Kunsill Lokali tal-Isla, Dwana, Din l-Art Ħelwa, Water Services Corporation, Raniero’s Adventures, Emergency Fire and Rescue Unit, No To Plastic Malta, ATLAM, Paulus, Paradise Diving School u Transport Malta.