Yakira Demicoli Thorton, tifla ta’ erbatax-il sena li tagħmel użu minn siġġu tar-roti, issa għandha l-opportunità li tieħu gost ma’ sħabha u tħossha inkluża meta tmur dawra sal-bandli.
Fil-Ġnien Tfal ir-Raħal fl-Imqabba, li diġà huwa mgħammar b’tagħmir sportiv li minnu jista’ jibbenefika kulħadd, issa b’investiment ta’ ħamest elef ewro ġiet installata bandla aċċessibbli għal tfal li għandhom diżabilità u li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti.
Il-Kunsill Lokali tal-imqabba ngħata fondi mill-iskema ‘Għotjiet fil-Komunità – Liberta li Tgħix’ biex din il-bandla, mgħammra b’rampa apposta, tagħmilha iktar faċli biex it-tfal jitilgħu jitbandlu.
Yakira żanżnet din il-bandla u, avolja ma setgħetx tesprimi l-ferħ tagħha bi kliemha, mill-espressjoni ta’ wiċċha deher ċar kemm din il-bandla tfisser għaliha.
Is-Sindku tal-Imqabba, Grace Marie Zerafa, esprimiet il-ferħ tagħha għal dan il-proġett u stiednet lil dawk il-ġenituri kollha li jixtiequ jġibu t-tfal tagħhom f’dan il-ġnien biex jiġu u jgawdu ftit ħin ma’ wliedhom.
Hija qalet, “Il-Kunsill Lokali ħa l-inizjattiva sabiex applika u kiseb fondi sabiex tiġi installata bandla għal persuni b’diżabilità, li anki l-ewwel waħda tax-xorti tagħha fil-madwar fl-irħula tagħna. Inħeġġeġ li anke nies li m’humiex residenti hawnhekk fl-imqabba jiġu u jagħmlu użu minn din il-bandla, li żgur se tkun ta’ użu tajjeb għalihom u għal uliedhom.”
Il-Ministru responabbli mill-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, qalet li dan huwa mod tanġibbli kif l-irħula Maltin u Għawdxin qegħdin jaġġustaw biex jagħmlu l-lokalità tagħhom aktar inklussiva u aktar aċċessibbli.