Il-Palazz Thiene.
Magħruf mal-Ħamruniżi u ma’ eluf ta’ Maltin bħala s-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Ġejtanu.
Iżda f’disgħin sena ta’ storja, il-post ma ospitax biss l-għaqda li ġġib l-isem tal-patrun tal-Ħamrun.
F’pubblikazzjoni b’riċerka tal-istoriku l-Professur Ray Mangion joħorġu fatti kurjużi u interessanti. Fosthom dwar kif il-post intuża bħala Qorti fi żmien il-gwerra.
Il-Professur Ray Mangion ġabar l-istorja tal-ewwel ħamsa u sebgħin sena minn meta l-għaqda twaqqfet fl-elf disgħa mija u sitta.
“Fil-gwerra hawnhekk serva ta’ Qorti wkoll, hawnhekk fejn qegħdin fis-sala ta’ maġembna kien Qorti tal-Maġistrati jiġifieri dak huwa episodju importanti ħafna fl-istorja ġudizzjarja ta’ pajjiżna.” Stqarr il-Professur Mangion.
Il-Professur Mangion qal li fir-riċerka tiegħu huwa rrefera għal minuti tal-laqgħat tal-kumitat kemm tal-Banda San Gejtanu, kif ukoll il-minuti tal-laqgħat tal-Banda San Ġużepp, l-għaqda mużikali l-oħra fil-Ħamrun.
Barra minn hekk huwa sab diversi noti oħra filwaqt li tkellem ukoll ma’ dawk illum avvanzati fl-età.
Fost ir-rakkonti, sab li l-każin welled l-Moviment Qawmien Letterarju Malti mmexxi minn Kelinu Vella Haber, filwaqt li ospita wkoll diversi ballijiet għas-suldati stazzjonati f’Malta fil-gwerra, fejn anke daħħal f’Malta tip ta’ żfin popolari fl-Amerika.
Il-Professur Mangion spjega, “Hawnhekk kellek suldati li kienu stazzjonati hawn bħala emerġenza, kienu jsiru l-ballijiet fi żmien il-gwerra. Per eżempju anki meta mill-Amerika u mill-ingilterra beda’ dieħel iż-żfin boogie woogie, naħseb kien l-ewwel każin fejn sar dan iż-żfin.”
Il-Professur Mangion fisser kif il-ktieb jirrakonta l-istorja tal-għaqda San Gejtanu fl-isfond tal-iżvilupp soċjali tal-Ħamrun ta’ pajjiżna. Fil-fatt, il-ktieb jispjega wkoll l-oriġini tal-isem Ħamrun.
Il-President tal-Għaqda Mużikali San Gejtanu Nigel Vella tkellem kif dan il-ktieb jagħti qafas storiku għal għaqda magħrufa ferm għal briju li ttella’ fil-festa ta’ San Gejtanu.
Spjega li l-qofol tal-għaqda dejjem kienu l-membri u l-voluntiera.
“Fl-għaqda tagħna nsibu tfal, żgħażagħ, anzjani – kulħadd jagħti l-irwol tiegħu, kulħadd jagħti d-daqqa t’id tiegħu u dak ifisser li tiġbor il-persuni kollha, hija familja, kommunita fil-verita, persważ kif inhuma l-każini l-oħrajn mxerrdin ma’ Malta u Għawdex.” Qalilna Vella.
Vella fisser ix-xewqa li fil-futur il-ktieb jitkompla biex jiġbor l-istorja mit-tmeninijiet sal-lum.