Biċċa arti li tikkonsisti minn sempliċi banana imwaħħla bit-tejp mal-ħajt, inbiegħet għas-somma ta’ €5.8 miljun f’irkant li sar New York bix-xerrej ikun intraprenditur prominenti tal-cryptocurrency.
Intitulata ‘Comedian’ xogħol l-artist Taljan Maurizio Cattelan kienet ħolqot sensazzjoni meta dehret għall-ewwel darba fl-2019 waqt l-Art Basel Miami Beach bil-viżitaturi jippruvaw jaqtgħu jekk din il-biċċa frotta safra imwaħħla ma’ ħajt b’tejp kulur il-fidda kinitx ċajta jew qed tirredikola l-istandards dubjużi fost il-kolletturi tal-arti.
L-artist, li hu wieħed magħruf għall-iskulturi iperrealistiċi u l-approċċ satiriku tiegħu lejn l-arti, b’mod serju spjega li “kienet kummentarju sinċier u riflessjoni dwar dak li napprezzaw”.
F’ħin minnhom artist ieħor ħa l-banana mill-ħajt u kielha. Il-biċċa tal-arti tant ġibdet attenzjoni li kellha titneħħa mill-wiri imma gallerija tal-arti li kienet qed tieħu ħsieb il-bejgħ dak iż-żmien qalet li tliet edizzjonijiet tagħha kienu inbiegħu bejn $120,000 u $150,000.
Ħames snin wara, Justin Sun, il-fundatur ta’ TRON, pjattaforma tal-cryptocurrency, ħallas 40 darba aktar waqt irkant ta’ Sotheby’s. Preċiżament huwa xtara ċertifikat ta’ awtentiċità li ttieh id-dritt li jwaħħal banana mal-ħajt bit-tejp kulur il-fidda u jsejħilha ‘Comedian’.