Eks editur tat-Times of Malta ddeskriva bħala banali u fake s-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech. Filwaqt li uża filmat tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, iżejjen is-siġra tal-Milied, Steve Mallia, kellu messaġġ li jmur lil hinn minn dan l-episodju partikolari. Fil-fatt biex ġabar kollox uża s-slogan “sorrystateofthePN.”
Dan taħt il-messaġġ “A show that is, sadly, reality”. Kien hawn li kiteb ukoll #banal u #fake.
Il-messaġġ ta’ Steve Mallia, li għal snin twal mexxa t-Times of Malta, u kien qrib ħafna ta’ esponenti ta’ Gvernijiet tal-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ ħafna oħrajn li fl-aħħar xhur tefgħu dawl fuq it-tmexxija, jew in-nuqqas tagħha, ta’ Bernard Grech. Min qal li l-Partit Nazzjonalista għadu ma sabx il-mexxej ideali, bħal l-eks Ministru Michael Falzon u min bħal l-akkademiku George Vital Zammit semma jekk wasalx il-mument li fil-Partit Nazzjonalista l-kap jitlob vot ta’ fiduċja. Kienu bosta oħra l-opinjonisti li wrew ix-xettiċiżmu tagħhom dwar il-mod kif Bernard Grech ġab ruħu f’mumenti sensittivi u deċiżivi.