L-Editur Maniġerjali tal-Malta Today Saviour Balzan ressaq rapport urġenti biex il-Pulizija tinvestiga u tieħu passi fil-konfront ta’ persuni li allegatament ħarġu l-logs tat-telefonati li għamel u rċieva mill-kumpaniji tat-telefonija f’Malta. Balzan qal li sar aċċess għal dawn il-logs u ġew ippublikati b’mod illegali.
L-editur Balzan, għamel talba lill-Pulizija biex tinvestiga u tibda proċeduri kriminali quddiem il-qrati tal-Ġustizzja dwar kif dawn id-dettalji personali għaddew lil Daphne Caruana Galizia. L-avukati ta’ Balzan ressqu ukoll ilment quddiem il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data u lill-operaturi tat-telefonija Vodafone u Go plc li t-tnejn spjegaw li qed jinvestigaw internament dan il-każ.