L-għada li ħdax-il persuna tressqu l-Qorti f’każ li nibet minn inkjesta Maġisterjali dwar operat fil-kumpanija li tippubblika t-Times of Malta, il-ġurnalist ta’ esperjenza Saviour Balzan kiteb dwar kif dak li seħħ tefa’ wkoll dawl fuq l-operat ta’ din il-gazzetta u l-kumpaniji li jmexxuha.
Fil-Maltatoday Saviour Balzan kien ċar ħafna meta kiteb kif Mabel Strickland qed titqalleb fil-qabar tagħha.
“Jekk hemm parti li ħarġet feruta min dan l-iżvilupp hjija t-Times,” kiteb Balzan li fakkar kif għal ħafna t-Times of Malta setgħet kienet simbolu ta’ midja ħielsa.
Saviour Balzan fakkar kif hemm kwistjonijiet ta’ trasparenza li t-Times of Malta titlob minn ħaddieħor li jidher li ma japplikax għaliha.
Hawn irrefera għal inkjesta interna tal-2016 li saret wara allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Adrian Hillman, eks Direttur Maniġerjali, u li sal-lum inżammet moħbija.
It-Times of Malta minn naħa l-oħra użaw l-editorjal tal-Ħadd biex jiddefendu r-reputazzjoni tagħhom billi qalu li l-linja editorjali tat-Times taħdem b’mod indipendenti minn dik kummerċjali li titmexxa mill-kumpaniji Progress Press u Allied Newspapers.
Fl-artiklu tiegħu msemmi min se jitfa’ l-ewwel ġebla, Balzan jirreferi wkoll għall-figura tad-deputat Nazzjonalista Mario De Marco li għandu rwol fi Strickland Foundation, li hija x-shareholder ewlieni tal-kumpanija li tmexxi t-Times.
Saħansitra De Marco jaġixxi wkoll bħala Avukat tal-Malta Enteprise, li issa qed jirriżulta li setgħet kienet iffrodata mit-Times.
Hawn Balzan jikteb, “Li tgħid li De Marco qed isofri minn kunflitt ta’ interess kbir ma tkunx qed iġebbidha. Li titolbu jirriżenja mill-fondazzjoni Strickland u mill-Partit Nazzjonalista billi japplika l-istess standards tat-Times of Malta ma tkunx qed tistaqsi wisq”.
Balzan temm ifakkar kif inkjesta interna nżammet moħbija sa mill-2016.
https://www.one.com.mt/2021/03/21/rapporti-jghidu-li-t-times-setghet-frodat-e750000-lil-malta-enterprise/