Balzan kisbu punt prezzjuż tard fil-partita meta temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Hibernians.
Hibernians kellhom lill-captain Bjorn Kristensen sospiż, waqt li nieqes għalihom ukoll kien il-player żagħżugħ Lucas Caruana minħabba li għadu qed jirkupra minn injury fl-irkoppa, biż-żewg players isegwu l-partita mill-VIP stand. Min-naħa l-oħra għal Balzan irritorna fl-iskwadra, il-player Victor Blasco Llorens wara li serva logħba sospensjoni, fejn ġie utilizzat fil-ftuħ tat-tieni taqsima minflok il-player Luka Jankovic.
Hibernians għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss ħames minuti rebħu penalty meta Samir Arab waqqa’ lill-captain Jurgen Degabriele fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu, l-iskorer prolifiku Brażiljan LUCAS VILLELA LAPERT li ma żbaljax.
Il-kumplament ta’ din it-taqsima kompla kkaratterizzat minn ħafna logħob f’nofs il-ground, fejn ma ġiet innutata l-ebda azzjoni oħra denja ta’ nota.
Balzan ħolqu l-ewwel periklu tagħhom fil-partita fil-51 minuta meta minn cross insidjuż ta’ Rafael Floro Silva, ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Il-partita bdiet issir kemmxejn nervuża u mas-siegħa logħob, iż-żewġ timijiet spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta f’azzjoni konfuża tkeċċew il-players Khevin Rodrigo Fraga għall-Pawlisti u Samir Arab għal Balzan, it-tnejn minħabba li rċevew ammonizzjoni doppja fil-partita.
Balzan ħolqu l-periklu fl-74 minuta meta freekick insidjuż ta’ Rafael Floro Da Silva intemm għoli.
Hibernians wieġbu fit-82 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx minn qagħda ideali ta’ Khevin Rodrigo Fraga li ġie salvat minn mal-art mill-goakeeper ta’ riserva ta’ Balzan, Dylan Ciappara, li ġie utilizzat proprju għaxar minuti qabel fejn ħa post il-goalkeeper Serb, Danilo Golovic.
Iżda Balzan rebħu penalty fis-87 minuta meta Pedro Henrique Nunes Silva waqqa’ lill-player ta’ Balzan fil-kaxxa. Madankollu, mill-11-il metru inkariga ruħu s-sostitut Victor Blasco Llorens li ra lill-goalkeper Spanjol ta’ Hibernians, Pablo Nino Sanchez, isalva bi bravura minn mal-art, biex ċaħħad lil Balzan milli jġibu l-iskor indaqs.
Madankollu, huma ma kellhomx jiġu mċaħħda żewġ minuti biss wara meta ELVIS KAMSOBA veneven xutt mid-distanza li ma ta l-ebda ċans lil Sanchez, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel intemm ġewwa.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jiksbu punt kull wieħed.
Referee: Daniel Portelli
Player tal-Logħba: Rafael Floro Da Silva (Balzan FC)