Balzan kisbu rebħa meritata ta’ 2-0 kontra Gudja United, bil-goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima, biex b’hekk ikkundannaw lill-Gudjani li staġun ieħor jilagħbu fil-BOV Challenge League.
Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet is-sitt rebħa staġjonali għal Balzan, biex issa għandhom 26 punt fil-klassifika.
Kienet partita li meta wieħed iqis iċ-ċansijiet li ħolqu, l-iskor seta’ kien ikbar għal Balzan, fejn min-naħa l-oħra Gudja komplew jiddiżappuntaw.
Kienu Balzan li ħolqu l-ewwel periklu wara sitt minuti meta freekick ta’ Oliver Rommens intemm ftit barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u erba’ minuti wara George Henry Raymond Blackwood kellu xutt minn ġol-kaxxa jiġi salvat tajjeb mill-goalkeeper Fillandiż ta’ Gudja, Felix Lehtinen.
Kulma jmur, kompla d-dominju assolut ta’ Balzan u fl-14-il minuta, freekick tal-ispeċjalista Jan Busuttil għadda ftit barra.
Gudja wieġbu għall-ewwel darba fil-21 minuta meta Shaisen Attard avvazna tajjeb u spara xutt sabiħ minn pożizzjoni ideali li ħabat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.
Balzan reġgħu ħolqu l-periklu fid-29 minuta meta Jan Busuttil kellu t-tentattiv tiegħu minn taħt il-lasta jiġi salvat minn mal-art minn Lehtinen. Huma komplew fuq l-offensiva u fl-34 minuta Aleksa Andrejic kellu freekick insidjuż salvat tajjeb minn Lehtinen. Żewġ minuti biss wara l-istess Aleksa Andrejic dejjem għal Balzan wara li rċieva cross fil-baxx, mattar siequ, iżda t-tentattiv tiegħu intemm ftit barra.
Azzjoni wara l-oħra Balzan finalment u meritatament fetħu l-iskor fl-44 minuta meta ALEKSA ANDREJIC kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ xutt fil-baxx minn qagħda ideali tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Gudja rrispondew mill-azzjoni li segwiet minuta biss wara meta ż-żagħżugħ Mathias Conti ittanta xortih permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza li iżda ntemm barra.
Balzan reġgħu ħolqu l-periklu fis-67 minuta meta Aleksa Andrejic kellu xutt minn pożizzjoni ideali jiġi salvat minn mal-art minn Lehtinen.
an kien il-preludju għat-tieni goal ta’ Balzan minuta biss wara, meta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ TRISTON CARUANA ma ta l-ebda ċans lil Lehtinen.
Balzan komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Daniel Casha
BOV Plejer tal-Logħba: Aleksa Andrejic (Balzan FC)